Għexieren ta’ eluf ta’ persuni attendew viġili b’rispett lejn il-memorja tad-disa’ vittmi f’attakk minn estrimisti tal-lemin estrem, li fetħu n-nar f’żewġ stabbilimenti tad-divertiment f’Hanau fil-Ġermanja.
B’xemgħat u ward abjad f’idejhom, kienu ħafna li mlew it-toroq ta’ diversi bliet Ġermaniżi u mxew fis-skiet.
F’dawn il-viġili, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel tkellmet dwar il-velenu tar-razziżmu, filwaqt li l-President Frank-Walter Steinmeier qal li pajjiżu mhux se jkun intimidat.
L-attakk tal-Erbgħa filgħaxija qed jitqies bħala wieħed terroristiku.
Sadanittant, il-Gvern Ġermaniż qed jaffaċċja kritika u appelli kontinwi biex isaħħaħ il-ġlieda tiegħu kontra t-theddida ta’ estremisti tal-lemin estrem.
Ritratt: EPA