Wara 25 sena jservi fl-armata, ir-Re fl-aħħar sab l-imħabba ta’ ħajtu u se jiżżewweġ.
Din hija t-tema tal-karru ewlieni li ta’ kull sena jiftaħ l-isfilata tal-Karrijiet tal-Karnival.
Lejlet li jibda jterraq mat-toroq tal-Belt imdawwar miż-żeffiena u jpaxxi l-għajn ta’ eluf ta’ Maltin u t-turisti, One News tkellem ma’ Clint Axisa li jqis lilu nnifsu ma’ dawk li twieldu għall-karnival.
Qalilna li ilu għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena jaħdem mal-grupp Landa li ħadem il-karru tar-Re tal-Karnival.
Sibnih b’wiċċu jagħti għad-dawl għat-temp sabiħ li feġġ u li jidher li se jibqa’ jżomm tul ir-Renju tal-Blugħa.
Sodisfatt bix-xogħol li sar fl-aħħar xhur, qalilna li b’reqqa kbira, il-karru ħareġ mill-maħżen sabiex jaqbad triqtu lejn il-kapitali.
“F’dan il-proċess jirrekjedi ħafna u ħafna attenzjoni fejn l-irjus ma’ jkunux armati kif qed taraw warajha hemm ir-ras tar-Re tal-Karnival ta’ din is-sena. Għandna l-irjus jintramaw barra allura l-karru jgħaddi minħabba l-ispazzju li għandna inkaxxat minn mal-ħjut. B’seba’ mitt għajn tal-helpers kollu noħorġu nkaxxati minn mal-bieb kif deher fil-filmat ukoll li l-proċess mhux daqsekk żgħir imma mhux daqsekk diffiċli li ilna nagħmluh għal snin twal u sena wara sena għal grazzja tal-Bambin noħorġu.”
Clint qal li din is-sena, ir-Re se jkollu miegħu lir-Reġina tal-Karnival.
“Il-Karru huwa temat fuq tieġ anke ż-żfin u l-korjografija ġewwa l-pjazza se tkun bbażata fuq żifna fejn ħa jsir tieġ waqt il-pjazza stess fejn ir-Reġina qiegħda fuq karozzella ġewwa platt, il-platt mimli ikel tat-tieġ.”
Intant it-tema tal-karnival kienet fl-aqwa tagħha wkoll fi Spazju Kreattiv fejn bdiet tittella’ rappreżentazzjoni viżwali u teatrali għat-tfal dwar żewġ karattri li l-ħin kollu jiżolqu fiż-żebgħa.
One News tkellem mal-artisti u l-imħuħ wara din il-preżentazzjoni.
“L-ispirazzjoni għall-performance kienet bażikament li meta nkunu żgħar nilagħbu ħafna b’mod naturali li huwa li nieħdu riskju u nilagħbu b’mod avventuruż u iktar ma’ nikbru dan irid jonqos għax irridu nżommu mal-pjan u l-idea tagħha kienet li nħeġġu t-tfal ikomplu jilagħbu bil-mod ta’ kif diġà naturalment jilagħabu.”
Il-biljetti għal din il-preżentazzjoni li ser tibqa’ ssir sal-Ħadd jistgħu jinkisbu minn fuq s-sit żigużajg.org