Il-gwerra miftuħa fil-Partit Nazzjonalista kompliet tieħu s-sura tagħha meta fuq l-istazzjon tal-Partit stess, l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli għamel nofs siegħa jattakka lil fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Saħansitra l-preżentatur staqsa lil Puli domanda li qallu li ma riedx jimbarazzah biha dwar il-firda fil-partit f’tal-Pietà. Iżda Puli dlonk fetaħ attakk fuq dawk li fil-Partit Nazzjonalista li fi kliemu jaħsbu li għandhom id-dritta fl-għażla tal-Kap.
“Se nagħmillek mistoqsija ftit diffiċli u ma rridx nimbarazzak. X’inhi r-raġuni li r-riżultat għat-tmexxija tal-partit ma kienx aċċettat? Din isemmiha wkoll fl-ittra tiegħek.”
“Eħe r-raġuni eżatta, jiena ma nistax ngħid illi nafha imma kultant nissuspetta illi hemm ftit, għaliex ftit dawn fil-verità, huma ftit influwenti illi għandhom ċertu sens of entitlement. Tgħidli x’jiġifieri? Li jaħsbu li bid-dritta l-Kap tal-Partit irid ikun magħżul minn fost dawk il-ftit.”
Puli qal li tal-fazzjoni Busuttil ħadmu għall-interess tagħhom u mhux tal-partit.
“Meta pruvajna nagħmlu xi ħaġa tajba, meta għamilna pass ‘il quddiem, l-għada kumbinazzjoni jinqala’ xi ħaġa illi ma tkun tgħin lil partit xejn, mhux lili dan finalment. U naħseb li dak huwa ħażin ħafna. Dak mhux meta wieħed qed iħares l-interess tal-partit, l-interess tan-nazzjon. Jien naħseb min jagħmilhom dawk ikun qed iħares l-interess individwali tiegħu.”
Huwa żied jakkużahom li waqt li jitkellmu ħafna dwar id-demokrazija u r-rule of law, ma jridux jirrispettaw il-vot demokratiku tat-tesserati.
“Aħna nirrappreżentaw lil dawk in-nies. Kif nieqfu nirrappreżentawhom allura għandha problema, allura m’aħniex demokratiċi, allura ma nemmnux fir-rule of law.”
Puli kompla jesponi l-ġlied fl-istamperija u jispjega l-bsaten fir-roti li sab Delia mill-istess fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
“Bl-għażla tal-leadership għall-ewwel darba mit-tesserati fejn sfortunatament mhux kulħadd ġab ruħu kif kellu jġib ruħu.”
“Kont ilni ċerti ċirkostanzi fejn ikolli ngħid rajt ċertu nuqqas ta’ rieda tajba min-numru ta’ nies, illi nerġa’ ngħid they should have known better.”
“Kellek sfidi illi sfortunatament inħolqu wara t-tellieqa għal-leadership li kien hemm fl-2017 illi baqgħu ma fiqux kemm kellhom ifiequ.”
Puli qal li f’dawn is-sentejn u nofs tal-amministrazzjoni Delia, it-tfixkil ma stenniehx u ppretenda li kulħadd jiġbed ħabel wieħed wara l-kap.
“Imma li jiġu uħud ifixkluk, uħud who should know better, dik ma stennejtiex.”
“U kont nippretendi, iva nippretendi, dik il-kelma li rrid nuża, li kulħadd jgħaddilu l-esperjenza tiegħu.”
Clyde Puli fetħilha fuq ta’ Busuttil ukoll dwar is-surveys u l-mod kif qed jużawhom kif u meta jaqbel lilhom biex itajru lil Delia/
“Issa dakinhar min irredikolani, min prova iżeblaħni, min qal li Clyde Puli ferħan bir-riżultat ta’ Mejju imma safrattant f’Jannar li għadda reġgħu ġew ir-riżultati li kont qed insemmi jien u donnu f’daqqa waħda kulħadd beda jikkwotahom dawk is-surveys biss, qed jikkwotahom.”
Puli kompla jiftaħ in-nar fuq ta’ Busuttil li kellhom il-partit f’idejhom sal-elezzjoni ġenerali li għaddiet u qal li dawn imlew rashom b’rebħa f’Ġunju ta’ tliet snin ilu.
“Tal-2017, elezzjoni ġenerali illi kien hemm kważi kważi min twebbel illi seta’ jirbaħha.”