Reġgħet inbniet u nfetħet mill-ġdid Triq San Ġużepp fil-Qala Għawdex, wara li kienet sfrondat biċċa minn din it-triq.
Ix-xogħlijiet li saru, fosthom kisi ta’ tarmak, huma ferm kruċjali hekk kif ftit tal-jiem ilu, din it-triq li minnha ta’ kuljum jgħaddu għexieren ta’ karozzi, spiċċat ta’ periklu għall-pubbliku wara li ċedew biċċiet mill-ħajt ta’ lqugħ u l-pedamenti tat-triq.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tenna li l-infrastruttura adegwata hija meħtieġa għal Għawdex.
“Din hija l-istrateġija tal-Ministeru għal Għawdex, li jaħdem b’mod effiċjenti li x-xogħol isir malajar, ix-xogħol isir tajjeb u iva wkoll nagħtu r-riżultati u propju hekk qegħdin nagħmlu f’proġetti infrastrutturali oħra, fejn qegħdin nagħtu prijorità lill-effiċjenza u li x-xogħol isir fil-ħin”
Il-Ministru Camilleri qal ukoll li t-toroq fil-gżira Għawdxija jridu jkunu tal-istess livell ta’ Malta u siguri għal dawk kollha li jgħaddu minnhom.