Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussel sabiex jattendi għall-Summit bejn il-Mexxeja Ewropej sabiex jistabilixxu l-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin. Dawn in-negozjati mistennija jkunu diffiċli minħabba t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li b’konsegwenza t’hekk il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin se jara n-nuqqas ta’ 75 biljun ewro f’kontribuzzjoni li kien jagħti r-Renju Unit. It-taħdidiet huma mistennija li jdumu u għalhekk mhux eskluż li d-diskussjonijiet jibqgħu sejrin tul tmiem il-ġimgħa.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Prim Ministru ħa sehem f’summit tal-grupp Friends of Cohesion. Dan il-grupp huwa magħmul minn sbatax-il membru stat tal-Unjoni Ewropea fosthom Malta, li lkoll għandhom għan komuni u jemmnu li l-fondi ta’ koeżjoni m’għandhomx jitnaqqsu.
Il-Prim Ministru huwa akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.