Songcraft, proġett li jifforma parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv b’kollaborazzjoni ma’ Aġenżija Żgħażagħ reġa’ lura wara s-suċċess tal-proġett pilota fl-2019 fejn ta opportunità lil kantawturi promettenti ta’ bejn is-16 u l-20 sena.
Il-kantawturi magħżula se ikollhom esperjenza ta’ mentorship ma’ tlett esponenti ewlenin tax-xena tal-mużika lokali li huma Alison Galea (Etnika, Beangrowers u The shh), Alexandra Alden (kantawtur u membru tal-ġurija f‘X Factor Malta) u Matthew James (kantawtur u ex-Red Electric frontman), bl-għan ewlieni li jkomplu jtejjbu t-talenti tagħhom u jimxu dejjem aktar lejn livell professjonali fil-karriera tagħhom.
Fl-istess waqt, il-parteċipanti ser jitħarrġu fil-parti kreattiva tal-ħolqien u eżekuzzjoni ta’ mużika ġdida u l-modi differenti ta’ kif il-mużika tagħhom tista’ titwassal għand udjenzi potenzjali tagħhom.
Dan il-proċess jilħaq il-kulminazzjoni tiegħu b’avveniment finali li jinvolvi kunċert bl-għan li jesponi t-talent ta’ dawn iż-żgħażagħ b’materjal mużikali ġdid li se jkunu qed joffru dawn il-kantawturi.
Dawk interessati għandhom jibgħatu l-applikazzjoni tagħhom sa nhar it-Tlieta 10 ta’ Marzu 2020 sa nofsinhar u għal aktar tagħrif wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq songcraft@kreattivita.org u/jew iżur www.kreattivita.org/songcraft2020.