Malta ħadet pożizzjoni b’saħħitha kontra regolamenti ġodda għas-settur tat-trasport tal-merkanzija, fejn il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li t-trakkijiet li jġorru l-merkanzija jittieħdu lura lejn il-pajjiż li jkunu telqu minnu kull ftit żmien.
Dawn il-proposti joħolqu sfidi loġistiċi u aktar spejjeż għall-operaturi Maltin, filwaqt li jipperikolaw il-mezzi tat-trasport li jwasslu bżonnijiet bħall-mediċini, ikel u karozzi.
F’Dar Malta fi Brussell, il-Ministru Ian Borg laqa’ Ministri għat-Trasport ta’ tmien pajjiżi Ewropej oħra fejn iddiskuta l-pakkett tal-mobilità.
Il-Ministru Borg iddiskuta wkoll ma’ membri tal-Kummissjoni Ewropea, fosthom ma’ Frans Timmermans, bil-għan li dawn ir-regolamenti jiġu annullati.
L-argument kontra r-regolamenti ġodda jagħfas ħafna fuq l-impatt ambjentali li se jkollu regolament partikolari li jobbliga operatur jittrasporta l-vetturi tiegħu lura lejn il-pajjiż kull ftit żmien. Il-Ministri flimkien saħqu li dan ir-regolament ma jimxix mal-European Green Deal u l-għanijiet dwar it-tibdil fil-klima tal-Unjoni Ewropea.
“Din l-isfida m’aħniex ser inħalluha għaddejja kif ġieb u laħaq fil-fatt qegħdin issa niddiskutu mal-Kummissjoni Ewropea, illum fil-laqgħat ukoll mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, u l-Kummissarju responsabbli mit-Trasport kif ukoll jekk ikun hemm bżonn nikkunsidraw azzjonijiet legali sabiex niżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġusta bejn kulħadd, ma jkunx hemm impatt negattiv fuq l-ambjent u anki nibqgħu nissalvagwardjaw il-prinċipji tas-suq ħieles.”
It-tmien pajjiżi oħra li ngħaqdu ma’ Malta f’dan l-appell huma Ċipru, il-Bulgarija, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija.