Il-bonus addizzjonali li qegħdin jirċievu mija u tmenin elf familja mingħand il-Gvern, spiċċa ħoloq inkwiet ġdid fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ħarġu jattakkaw l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura li se tiswa lill-Gvern ħames miljun u tliet mitt elf ewro.
Iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista ħeġġew lin-nies biex ma jżommux dan iċ-ċekk iżda jagħtuh donazzjoni.
Kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina mill-fazzjoni tal-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li beda din il-kwistjoni fuq Twitter.
Aquilina qal li rċieva ċ-ċekk ta’ ħamsa u tletin ewro u tah donazzjoni lill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia. Huwa ħeġġeġ lill-attivisti sabiex jagħmlu bħalu u jagħtu l-flus lill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia.
Iżda lil Aquilina ħareġ iwieġbu l-esponent mill-fazzjoni ta’ Delia, il-viċi Kap uxxenti Robert Arrigo.
Arrigo rringrazzja lil dawk li qegħdin imorru d-Dar Ċentrali jagħtu ċ-ċekk li rċivew mingħand il-Gvern lill-Partit Nazzjonalista. Huwa żied iħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jagħtu ċ-ċekk lilll-Partit Nazzjonalista.
Il-messaġġ ta’ Arrigo wassal għal diversi reazzjonijiet fosthom tal-kunsillier Nazzjonalista Sean Gauci li qallu: Prosit inthom tassew Nazzjonalisti.
Fil-fatt kienu bosta l-partitarji Nazzonalisti li attakkaw lil Aquilina wara li ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti jagħtu flushom lil għaqdiet li qegħdin isejħu għar-riżenja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Qalulu li ‘charity begins at home’ u l-inqas ħaġa li kellu jagħmel kienet li jħeġġeġ lit-tesserati Nazzjonalisti jagħtu flushom lill-partit li jimmilita fih! Aktar u aktar meta jinsab mgħobbi b’miljuni kbar ta’ dejn u imgħaxijiet li qegħdin jifnu lill-Partit Nazzjonalista.