• Jilmenta bix-xogħol f’Awwissu
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, reġa’ attakka bl-aħrax il-proġett tal-enerġija li wassal għar-roħs fil-kontijiet tal-enerġija.“Għaliex din il-power station, meta tqis li din m’għandniex bżonnha?” staqsa Simon Busuttil għal darba, tnejn, tlieta f’kollegament telefoniku li matulu lmenta li qed nitkellmu dwar temi politiċi f’Awwissu, fis-sħana u meta n-nies jieħdu vaganza.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li nkitbu għall-preżentatriċi, Simon Busuttil qal li t-tanker li se jġib il-gass għall-impjant tal-gass u jelimina l-użu tal-heavy fuel oil huwa “vendikazzjoni”. Reġa’ qal li t-tanker huwa permanenti, anke jekk huwa temporanju u jitlaq ladarba jitlesta l-pipeline tal-gass.
Fl-istess kollegament, qabel mar il-festa tal-Qala, reġa’ ftaħar bil-power station tal-BWSC. Power station li taħdem bl-iktar żejt li jniġġeż. Fuq kollox iddeskriva l-proġett tal-enerġija bħala “monument ta’ koruzzjoni.”
Fil-programm tkellem ukoll dwar għadd ta’ allegazzjonijiet li ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Akkużi ta’ koruzzjoni istituzzjonalizzata li sa issa ma kienux privati.
Kien mistoqsi wkoll dwar il-permessi għal bini għoli, fejn din il-ġimgħa ingħata permess għall-ogħla bini f’pajjiżna ta’ 38 sular. Dan bħala parti minn proġetti li se jaraw investimenti miljunarji.
Biex jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu għal dawn il-permessi wkoll, Simon Busuttil qal li jekk tgħamilhom fuq xulxin dawn it-torrijiet jaqbżu l-mitt sular. Anke jekk jaf li dawn qatt mhu se jkunu fuq xulxin.
B’reazzjoni għal dan l-intervent ta’ Busuttil, il-Partit Laburista qal: “Simon Busuttil is a politically broken leader playing a broken record”.