Rawad Briga Abdelsalam, ta’ 36 sena mil-Libja ġie kkundnnat 18-il sena ħabs wara li nstab ħati li pprova jħanxar għonq tfajla ta’ 25 sena meta pprova jisraq il-handbag tat-tfajla u ħabibtha fi Sqaq Lourdes, f’San Ġiljan fis-sajf tal-2016.
Fil-qorti ngħad li l-każ seħħ meta Briga resaq lejn il-vittma u ħabiba tagħha ta’ 33 sena mill-Polonja u pprova jisirqilhom il-handbags. Ingħad li n-nies pprovaw iwaqqfuh u kien hawn li ħareġ sikkina u attakka lit-tfajla qabel ma ħatfilha l-handbag u ħarab. Il-vittma kienet iddaħħlet l-isptar f’qagħda kritika.
Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda l-ħati qal li ma jiftakarx dan l-episodju u allega li fil-ħin tal-inċident hu kien taħt l-influwenza ta’ pilloli, tant li wara spiċċa raqad għal ġimgħa sħiħa.
Minkejja dan, fl-20 ta’ Jannar li għadda, hu wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh; dawk ta’ attentat ta’ qtil, serq aggravat, talli kien fil-pussess ta’ arma mingħajr liċenzja u talli sar reċediv.
Id-difiża flimkien mal-Avukat Ġenerali kienu waslu għal ftehim u ssuġġerew lill-Qorti li l-akkużat għandu jingħata sentenza ta’ 15 –il sena ħabs.
Iżda wara li l-Imħallef Giovanni Grixti sema’ x-xhieda tal-vittma, ta’ sentenza ta’ priġunerija effettiva għal 18 –il sena u multa ta’ €7882.06.
Il-vittma stqarret fix-xhieda tagħha li dan l-episodju trawmatiku ħalla effett kemm fiżiku kif ukoll emozzjonali. Il-mara stqarret li hi tilfet ammont sostanzjali ta’ demm u ġarrbet feriti li għadhom viżibbli sal-ġurnata tal-lum.
Hi qalet ukoll li tilfet leħinha għal perjodu ta’ żmien u spiċċat tibża toħroġ kull meta ssiefer.