L-isfidi mingħajr preċedent li qed jaffaċċjaw l-ibħra tagħna jirrikjedu azzjoni urġenti fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, qal il-Ministru għall-Ambjent, It-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-ministru kien qed jindirizza laqgħa tal-proġett HARMONY, inizjattiva tal-Interreg Italia-Malta mmirat biex itejjeb il-protezzjoni tal-biodiversità tal-baħar.
“Dan il-proġett beda minn gżira żgħira li tagħraf id-dipendenza tagħha fuq l-ibħra li jdawruha, u b’hekk jinkludi fih l-essenza tal-mod kif bih għandna lkoll nikkontribwixxu għas-salvagwardja tal-ibħra tagħna. Missirijietna dan kienu jafuh tajjeb ħafna, u għexu f’armonija mal-ibħra li jdawru l-gżejjer tagħna. Iżda matul is-snin, l-umanità sfruttat ir-riżorsi tal-baħar, mingħajr ħafna ħsieb dwar ir-riperkussjonijiet fit-tul ta’ tali sfruttament. L-importanza tal-protezzjoni tal-bijodiversità ma tistax tiġi sottovalutata. Bidliet fl-ibħra tagħna jaffettwaw l-impjiegi u s-swieq tagħna. U biex insalvaw aħna, iridu jsalvaw l-ibħra tagħna.” qal il-Ministru Farrugia.
Il-ministru faħħar il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u spjega li fid-dawl tal-pressjoni globali, il-parteċipazzjoni u l-koperazzjoni bejn Malta u l-Italja f’dan il-proġett hi importanti. “Din il-koperazzjoni tenfasizza l-importanza li naħdmu flimkien fuq kwistjonijiet komunali, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, li dan il-proġett jiffoka fuqha. L-aspett li nsib l-iktar affaxxinanti f’dan il-proġett hu l-irwol u l-involviment tal-komunitajiet lokali,” qal il-ministru.
Il-proġett jimmira għal sett ta’ miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll bejn l-Italja u Malta sabiex iwassal għal fehim aħjar tal-ekosistema tal-baħar li taħdem f’kuntest transkofinali. Se jkun qed jiżviluppa azzjonijiet u miżuri integrati biex jissuġġerixxu pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ siti ta’ Natura 2000 u habitats relatati mal-integrità tal-baħar u speċi mhux indiġeni.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hi waħda mill-imsieħba Maltin f’dan il-proġett.