Il-Ministri tas-Saħħa f’pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea iltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu u jikkordinaw il-ħidma tagħhom biex kemm jista’ jkun ma jħallux il-coronavirus jinfirex fil-pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru Malti Chris Fearne qal li l-Ministru ddiskutew ħidma biex minkejja li fiċ-Ċina nfirex sew, ibiegħdu dan il-virus milli jidħol fl-Ewropa, dan fost l-oħrajn billi jiġu kkordinati l-isforzi fuq il-fruntieri.
F’kummenti lill-midja, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Ministri Ewropej iddiskutew x’jiġri jekk ikun hawn epidemija tal-coronavirus fl-Ewropa. Raw kif bħala Kummissjoni u Kunsill Ewropew ikun hemm aktar fondi lesti għal vaċċin ġdid ħalli jilqa’ għal din il-marda fix-xhur li ġejjin. Il-Ministru Fearne spjega li qed jiġu kkordinati l-isforzi biex jekk il-coronavirus jinfirex fl-Ewropa u jkun hawn vaċċin, ikun disponibbli kemm jista’ jkun malajr mhux biss għall-pajjiżi kbar imma wkoll dawk żgħar bħal Malta biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikunu protetti kontra dan il-virus.