Minn għada sas-17 ta’ Frar, 181,087 familja f’pajjiżna se jirċievu ċekk ta’ bonus addizzjonali ta’ darba. Dan permezz ta’ miżura tal-Gvern ta’ 5.3 miljun ewro, li minnha se jibbenefikaw 52,382 familja li jgħixu waħedhom, u 128,705 familja fejn hemm jgħixu aktar minn persuna waħda. Dan il-bonus addizzjonali ta’ darba se jingħata lill-familji biex jagħmel tajjeb għal xi żidiet fi prodotti li kien hemm u li setgħu ma ġewx riflessi fl-indiċi sa Settembru biex tiġi kkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA.
Kull familja b’persuna waħda se tirċievi ċekk ta’ 15-il ewro, filwaqt li familji b’aktar minn persuna waħda se jirċievu ċekk ta’ 35 ewro. Anzjani li jgħixu waħedhom se jingħataw 15-il ewro, u dawk li huma fil-kumpanija ta’ xi ħaddieħor se jieħdu 35 ewro. Dan iċ-ċekk huwa apparti ż-żieda ta’ 7 ewro fil-ġimgħa fil-pensjonijiet.
Il-Ministru tal-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, spjega li biex wasal għal dan l-ammont, li huwa apparti l-COLA, il-Gvern analizza l-konsum tal-familji fuq dawn il-prodotti bħall-ħobz u l-ħalib, biex wasal għal kumpens. Iċ-ċekk se jasal fuq isem min jidher fid-database tal-ARMS bħalma jaslu l-kontijiet. Kull min ma jirċiviex iċ-ċekk fil-ħin jista’ jċempel fuq in-numru 153.
Il-Ministru tal-Finanzi qal li din hija miżura minn sensiela tal-baġit li qed iwettaq dan il-Gvern.