Raġel ta’ sebgħa u għoxrin sena miż-Żurrieq jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident bil-mutur.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, meta seħħet ħabta head-on bejn mutur tat-tip Yamaha, li kien sejjer lejn il-vapur t’Għawdex, u karozza tat-tip Jidher.
Il-karozza kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn il-Mellieħa minn mara ta’ ħamsa u erbgħin sena mill-Mosta, li ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard, ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.