L-għada li nħatret bħala l-Kummissarju l-ġdida dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri qalet li l-impenn tagħha se tkun il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza.
Ma’ ONE News, Friggieri tkellemet dwar l-irwol kruċjali li għandha.
Il-Kummissarju ġdida saħqet, “Hija area sensittiva ħafna, hija area għal qalbi ħafna, għax jien għamilt snin twal naħdem man-nies maż-żgħażagħ mat-tfal fejn hemm problemi bħal dawn li umbad jaffetwaw lil żgħażagħ u tfal fl-iżvilupp psikoloġiku tagħhom. Hija area sensittiva hafna u jiena kburija li ngħatajt din l-opportunità biex nagħmel differenza.”
Friggieri hija għalliema u gradwata fil-psikoterapija sistemika tal-familja u għanda wkoll Masters fl-edukazzjoni tal-Adulti.
Hija tenniet li l-impenn tagħha huwa wkoll li tkompli tagħti vuċi soda kontra l-vjolenza ta’ kull tip u se taħdem aktar favur il-prevenzjoni.
“L-irwol tal-edukazzjoni x jista jsir biex nilħu mhux it-tfal biss imma anke l-familja,il-midja, għaliex il-midja tidħol fid-dar tan-nies.” Stqarret Friggieri.
It-Tnejn Friggieri ltaqgħet ukoll mal-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar biex mill-ewwel jiddiskutu pjan ta’ ħidma mifrux f’diversi oqsma sabiex ikun hemm aktar protezzjoni tal-vittmi u ta’ dawk vulnerabbli.