“Jew titlaq int jew inniżluk aħna u b’sabta.”
Dan kien il-kliem li uża l-eks President tal-AŻAD tal-Partit Nazzjonalista David Griscti, f’dikjarazzjoni ħarxa fuq Facebook indirizzata lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-avukat Griscti meqjus bħala figura prominenti fil-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kompla jikkonferma l-qasma fil-Partit Nazzjonalista u qal lil Delia li qażżeż lil kulħadd bil-gideb u r-rikatt tiegħu.
“Adrian, issa qażżist lil kulħadd ta’ rieda tajba bil-gideb u r-rikatt tiegħek lejn min jirrapreżentana u min ġie elett demokratikament mill-poplu, li int mintiex.”
Griscti żied jgħid li Adrian Delia ilu sentejn u nofs jaħli ż-żmien u ma għamel xejn.
Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Griscti fetħilha kontra l-Kap Adrian Delia u għajru għażżien.
“Warrab int għax int l-għażżien, l-inkompetenti li ma għamel xejn f’sentejn u nofs sħaħ u li ġab xeba firda u mibegħda fil-partit.”
Griscti semma l-inkompetenza tal-Kap u qal li Delia ġelled lin-Nazzjonalisti u farrak partit.
“Spiċċajt ġġellidt lil ħafna Nazzjonalisti ma’ Nazzjonalisti oħra. Dak l-achievement tiegħek, li farrakt partit aktar milli sibtu.”
L-avukat Griscti li dejjem kien ta’ feles u offra spalla lil fazzjoni Busuttil akkuża lil Delia li uża l-karta tal-mibegħda u li pprova jfarrak il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.
“Kull m’għamilt huwa li waqqaft struttura oħra għaż-żgħażagħ li jadurawk biex tipprova tfarrak l-MŻPN, li tant tagħtna nies ta’ kwalità tul is-snin. Ara għalhekk, li tifred u ġġelled King int, bħal dejjem.”
Griscti fetħilha wkoll fuq is-sitwazzjoni finanzjarja mwiergħa fil-Partit Nazzjonalista u qal lil Delia biex imur imexxi xi gallinar.
“U jekk ma tħallsuhx lura fi żmien stipulat aħna li niġbdu t-tapit, imbagħad mur mexxi xi gallinar x’imkien minflok.”
Tul il-kitba iebsa tiegħu lejn Adrian Delia, David Griscti fakkar li Delia ma ġiex elett mill-poplu fil-Parlament u f’botta ċara li ta’ Busuttil ġew eletti min-nies, għajjar lil Delia “tost” u li qed juża “diżonestà intellettwali” meta jitlob biex xi nies iwarrbu.
“U issa għandek il-wiċċ tost u d-diżonesta’ intelettwali biex titlob lil min ġie elett mil-poplu, li int mintiex, biex iwarbu.”