Il-Papa Franġisku se jkun qed iżur pajjiżna fil-wieħed u tletin ta’ Mejju li ġej.
Dan tħabbar uffiċjalment mill-President ta’ Malta George Vella hekk kif qara messaġġ li wasal mill-Vatikan, waqt il-quddiesa pontifikali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.
It-tħabbira taż-żjara tal-Papa ta’ ġurnata saret propju fil-jum li tfakkret il-ġrajja li ġabet il-fidi nisranija f’Malta.
Din intlaqgħet b’ċapċipa kbira li damet tidwi fil-Knisja ta’ San Pawl il-Belt.
“Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jilqa’ l-istedina tal-President tar-Repubblika ta’ Malta, tal-Awtoritajiet u tal-Knisja Kattolika tal-pajjiż u se jagħmel vjaġġ appostoliku f’Malta u f’Għawdex fil-31 ta’ Mejju 2020. Il-programm tal-vjaġġ se jitħabbar aktar ‘il quddiem.” Ħabbar il-President Vella.
Fil-preżenza tal-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna u l-Ministru Josè Herrera, għan-nom tal-Gvern, il-President awgura li ż-żjara tal-Papa Franġisku sseddaq l-għaqda fost il-poplu Malti.
Il-President Malti stqarr, “Meta kien qed jitkellem dan l-aħħar u ripetutament jirreferi għal Malta kien diġà qed jindika li kellu f’rasu li se jgħid iva u din l-aħbar hija xi ħaġa sabiħa ħafna u kif għedt jiena nemmen u nixtieq li din iġġib il-barka t’Alla fuq il-pajjiż u aktar għaqda fost il-poplu Malti.”
Wara li l-President tar-Repubblika qara l-messaġġ, l-Arċisqof ta’ Malta preżenta emblema fl-okkażjoni taż-żjara li se jagħmel Papa Franġisku f’Malta.
“Il-logo ovvjament il-Papa Franġisku f’Malta, il-kelma li għażilna hija mill-Atti tal-Appostli Kap 28 vers 2: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.” Qara l-Arċisqof.
Ma’ dan l-istazzjon tkellem ukoll l-ambaxxatur Malti għall-Istat tal-Vatikan li semma kif huwa ta’ pjaċir li l-Papa laqa’ l-istedina tal-awtoritajiet Maltin.
“Hija grazzja balzmu fuq il-poplu Malti jiġifieri din l-istedina kienet ilha ssir, però issa jidher li l-Papa aċċetta, jiġifieri xi ħaġa, lanqas għandi kliem, tant kemm hi xi ħaġa pożittiva fuq il-pajjiż kollu.” Stqarr Zammit.
Intant ix-xahar li għadda, il-Papa Franġisku għamel bosta referenzi għall-poplu Malti u sejjaħ lil Maltin bħala bravi, miti u akkoljenti.
F’udjenza ġenerali fil-Vatikan, il-Papa kien qal li f’Malta m’hawnx lifgħat u kellu kliem sabiħ ħafna għall-poplu Malti li ddeskrivieh bħala poplu tajjeb ħafna.
Intant din iż-żjara ta’ Papa Franġisku se tkun ir-raba’ żjara uffiċċjali f’pajjiżna ta’ Kap tal-Knisja Kattolika.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II żar lil pajjiżna uffiċjalment darbtejn, fl-1990 u fl-2001.
Fit-tieni żjara tiegħu kien ibbeatifika lil Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon.
Papa Benedittu XVI kien ġie f’Malta fl-2010.
B’mod sorpriż, fi triqtu lejn it-Tanżanija, fil-bidu ta’ Settembru tal-1990, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel waqfa qasira ta’ ftit sigħat f’pajjiżna.
Dan wara li l-ajruplan tiegħu kien għamel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, ftit wara li l-ajruplan li kien fuqu laqat sħaba tas-silġ.
Dakinhar il-Papa kellu laqgħa qasira mal-awtoritajiet Maltin u xiref mill-ajruplan biex sellem lil dawk il-Maltin li marru jsellmulu wara li kienu semgħu li l-Papa reġa’ kien fuq artna għal ftit ħin.