Raġel ta’ 31 sena minn Birkirkara ġie arrestat mill-Pulizija wara li nstabitlu 20 kilo droga Kannabis. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li wara jiem ta’ osservazzjoni l-Ħadd filgħodu l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestaw lir-raġel fit-Triq Ġużepp Xuereb, fis-Swatar.
Minn tfittxija li saret fil-garaxx, instabet id-droga, li kienet kemm fil-garaxx stess u kif ukoll f’karozza li kien hemm ġewwa l-istess garaxx. Instab ukoll taser gun u arma li taqta’ u bil-ponta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti għada u jkun akkużat bil-pussess tad-droga mhux għall-użu esklussiv tiegħu u li kellu fil-pussess tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta u taser gun mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija.