Pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha.
Meta tkellem dwar il-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li pajjiżna jixraqlu demokrazija b’saħħitha, għaliex b’Oppożizzjoni maqsuma internament ma jistgħux jissaħħu l-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż.
Qal li r-realtà hi li hemm fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista li ma tridx taċċetta dak li ddeċidew it-tesserati tal-istess Partit.
“Pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni li hija waħda b’saħħitha fejn jissaħħu l-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż għaliex Oppożizzjoni b’saħħitha hija importanti biex pajjiżna jkollu demokrazija b’saħħitha.”
B’kuntrast, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern huwa ffukat li jwettaq il-programm elettorali u jħares ’il quddiem b’pożittività.
B’sodisfazzjon innota li wara l-elezzjoni ta’ mexxej ġdid, kulħadd fil-Partit Laburista ġibed ħabel wieħed u b’sens ta’ għaqda ġab lura l-istabbilità fil-pajjiż.
“Kull min ħadem fil-kampanji wera li lest jiġbed ħabel wieħed fl-interess tal-Partit, fl-interess fuq kollox nazzjonali, fl-interess tal-pajjiż, dak kien sinjal ta’ maturità kbira.”
Dr. Abela saħaq li huwa mhuwhiex Prim Ministru tal-Partit Laburista, imma tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, u għalhekk se jaħdem biex tingħata opportunità lil kulħadd biex jimxi ’l quddiem.