Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli inawgurat wirja tal-Arti fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, bħala parti mill-attivitajiet tar-Rabat AGAPE Festival li jiġi organizzat kull sena mill-Fondazzjoni Paulus fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi liturġici tal-Konverżjoni u n-Nawfraġju f’Malta tal-appostlu Missierna San Pawl li huwa l-Patrun Principali tad-Djoċesi Maltija.
Il-Festival Agape jikkonsisti f’taħditiet (lectures) fuq aspetti tal-kult Pawlin f’Malta, mawriet gwidati madwar siti storiċi fir-Rabat li huwa rikk f’dak li huwa patrimonju, kunċert fuq il-pjanu fil-Kastell Verdala tal-Buskett, u attivitajiet kulturali simili ta` livell ogħoli. Il-Festival jilħaq il-qofol tiegħu bil-kunċert annwali esegwit mill-Orkestra Filarmonika ta` Malta fil-Proto Parroċċa Kolleġġjata ta` San Pawl, Ir-Rabat u li din is-sena sar nhar il-Ġimgħa 31 ta` Jannar fejn kellu esperjenza awdjo-viżiva.
F’kelmtejn ta` merħba l-President tal-Fondazzjoni Paulus Dr Mark Fenech Vella elenka l-għanijiet tal-Fondazzjoni Paulus b’dan il-festival annwali tagħha sabiex tipromovi l-għarfien tal-Identita` Maltija, fosthom bl-għarfien lejn il-patrimonju mużikali li Malta tipposjedi, fosthom billi fil-kunċert annwali jiġu esegwiti xogħolijiet ta` kompożituri Maltin, kemm tal-passat kif ukoll dawk kontemporanji.
Minn naħa tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli ferħet lil Fondazzjoni Paulus għal dan il-festival u qalet li minn stħarriġ li sar instab li 7 min kull 10 turist li jiġi Malta, jżur l-Imdina u r-Rabat. It-turist li jiġi Malta ħafna drabi jfittex dak li huwa partikolari għal Malta li ma jsibux f’pajjiżi oħra, fosthom il-kultura u l-patrimonju Malti. Hija ferħet lil Fondazzjoni Paulus li torganizza attivitajiet bħal dawn. Qalet li l-Gvern preżenti kommess li jkompli jsaħħaħ it-turiżmu kulturali.
Il-wirja fil-Mużew Wignacourt li fetħet il-bieraħ fil-Mużew Wignacourt qed tittella bil-koperazzjoni sħiħa tal-Pastel Society of Malta. B’kollox hemm 12-il membru ta` din is-Soċjeta` tal-Pastel ta` Malta li din is-sena qed jipparteċipaw f’ din il-wirja li ser tibqa miftuħa sat-22 ta` Frar u li d-dħul għal din il-wirja huwa bla ħlas.
Wara l-inawgurazzjoni tal-wirja l-attivitajiet tal-Festival Agape komplew b’taħdita minn Mark Gatt fil-Knisja ta` San Publiju r-Rabat (li tiġi fuq is-Santwarju-Grotta ta` San Pawl) fuq id-dettalji bibbliċi fejn jikkonċernaw n-navigazzjoni tal-bastiment, l-aspetti ġeografiċi u arkeoloġiċi li verament jikkorrispondu u juru li n-Nawfraġju ta` San Pawl verament sar f’Malta u l-post fejn il-ġifen inkalja, fejn skont Mark Gatt, kollox juri li n-nawfraġju seħħ fl-inħawi tas-Salini u Burmarrad u mhux fil-Gżejjer ta` San Pawl.
Il-festival Agape jintem nhar il-Ħadd li ġej 16 ta` Frar meta fil-11am fl-istess kjostru t’isfel tal-Mużew Wignacourt, Ir-Rabat, jkun hemm taħdita ta` 45minuta fuq l-Għasel Malti u t-theddida għan-naħla Maltija. Id-dħul għal din it-taħdita huwa bla ħlas u l-pubbliku huwa mistieden.