Fi tmiem ġimgħa li mmarkat l-ewwel omiċidju tas-sena, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-każ tal-omm żagħżugħa li nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina allegatament mill-eks sieħeb tagħha, ġab dieqa kbira fost il-poplu Malti.
Qal li tul is-snin bħala avukat, iltaqa’ ma’ din ir-realtà u ddefenda vittmi ta’ vjolenza domestika, u jista’ jgħid li din hija problema diffiċli biex tindirizzaha għaliex issir fis-skiet tad-dar.
Konxju ta’ din ir-realtà, Dr. Abela tenna li l-Gvern huwa impenjat li jaġixxi u jinvesti, u qal li l-ħatra ta’ Audrey Friggieri bħala Kummissarju ġdid tal-Vjolenza Domestika, se tkompli tgħin biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza domestika.
“Din is-sena se nkunu qed inżidu l-għajnuna finanzjarja b’aktar minn sebgħin fil-mija biex tkompli tiġi attakkata, biex tkompli tiġi miġġielda, din il-problema ta’ pjaga soċjali li għandna f’pajjiżna, fadal x’nagħmlu, qegħdin nagħmlu u se nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna f’dan is-settur.”
Dwar il-qasam tal-akkommodazzjoni soċjali, il-Prim Ministru tenna li kull persuna jixirqilha li jkollha saqaf diċenti fuq rasha.
Saħaq li dan is-settur huwa ta’ priorità assoluta għall-Gvern, u fl-aħħar jiem iltaqa’ ma’ realtà ta’ persuni li filwaqt li jkollhom ir-residenza tagħhom, ikun hemm żviluppi fil-madwar li jwasslu biex jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Semma fost l-oħrajn il-każ ta’ Gwardamangia, u qal li din is-sitwazzjoni mhijhiex aċċettabbli.
“Fil-każ ta’ Gwardamangia, kellna intervent immedjat min-naħa tal-Awtorità tad-Djar li pprovdiet residenza alternattiva imma xorta waħda għalija mhix aċċettabbli għax jiena ma nħarisx lejn residenza alternattiva, jiena nħares lejn id-dritt tas-sidien tad-djar li jkollhom id-dritt li jidħlu ġewwa darhom mhux li jkollhom residenza alternattiva imma li jgawdu d-dar u r-residenza tagħhom.”
Dr. Abela qal li minkejja li l-Gvern m’għandux tort fis-sitwazzjoni, iltaqa’ u ra l-uġigħ ta’ dawk affettwati, kif ukoll ma’ min ikkawża l-ħsara, u qed jistenna biex fil-ġranet li ġejjin jingħata soluzzjoni konkreta u raġjonevoli li tagħti s-sodisfazzjon lir-residenti.
“Jekk dik is-soluzzjoni mhux se tiġi offruta mill-kuntrattur, il-Gvern se jidħol fil-kwistjoni aktar, jagħti s-soluzzonijiet hu, il-punt tat-tluq se jkun li l-Gvern mhux se jaċċetta li sidien ta’ proprjetajiet jispiċċaw barra minn darhom minħabba żvilupp li jkun qed isir, minħabba ħsarat li jsiru fil-proprjetajiet tagħhom, u jibqgħu ma jingħatawx rimedju.”
Meta tkellem dwar is-settur ambjentali, il-Prim Ministru nnota li l-Unjoni Ewropea nediet il-miri tagħha fil-qasam sas-sena elfejn u ħamsin, li biex jintlaħqu, ix-xogħol irid jibda fl-immedjat.
Innota li din il-ġimgħa ġie inawgurat proġett ambjentali ta’ ħamsin miljun ewro li se jkun qed inaqqas disgħin fil-mija tat-tniġġis fl-arja mill-vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir.
Filwaqt li laqa’ din il-miżura, Dr. Abela qal li din għandha tikkumplimenta l-industrija turistika.
Fil-fatt, innota s-suċċess fil-qasam turistiku fl-aħħar snin, u semma l-importanza tal-bilanċ bejn ir-rispett lejn l-ambjent u t-tisħiħ fis-settur turistiku.
“Nemmen ħafna fit-tisħiħ tal-ambjent tagħna, nemmen imma wkoll f’bilanċ tat-tkabbir ekonomiku, tat-tkabbir fl-industrija tal-kostruzzjoni, tat-tkabbir fis-settur turistiku, tat-tkabbir f’sezzjonijiet oħra tal-ekonomija tagħna, u b’hekk wieħed jibqa’ miexi ’l quddiem f’soċjetà li dejjem tibqa’ tevolvi b’mod b’saħħtu ’l quddiem.”