Darren Borg ta’ 29 sena minn San Ġwann tilef ħajtu traġikament waqt li kien qed jistad fiż-żona ta’ Għar id-Dwieb fl-Imtaħleb.
Kien għall-ħabta tat-tmienja u nofs tal-Ħadd filgħodu meta daħlet telefonata għall-għajnuna lill-Pulizija meta ż-żagħżugħ waqa’ minn għoli.
Nies li raw l-inċident iseħħ quddiem għajnejhom, spjegaw ma’ ONE News li f’ħabta u sabta waqt li kien qed jistad, ir-raġel waqa’ għal isfel, għoli ta’ madwar għaxar sulari.
Il-katavru tiegħu ttella’ minn qalb l-irdum wara operazzjoni ta’ salvataġġ bis-sehem tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-Protezzjoni Ċivili, u tim mediku mill-isptar Mater Dei.
Sorsi fuq il-post qalulna li diversi persuni ta’ sikwit jinżlu jistadu bix-xbieki f’dawn l-inħawi u huwa mifhum li r-raġel kien qed jistad waħdu u tilef il-bilanċ.
Huwa ngħata l-ewwel għajnuna mit-tabib tal-emerġenza iżda s-sajjied ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Kollegi taż-żagħażugħ fuq il-post tax-xogħol fil-fabbrika tal-Playmobil, qalulna li jinsabu maħsuda bl-aħbar tal-mewt tal-kollega tagħhom. Fissruh bħala raġel b’qalb kbira u ċajtier u dejjem lest biex iferraħ lil ta’ madwaru.
Qalulna li Darren dejjem tkellem b’imħabba kbira għall-baħar u l-passjoni għas-sajd kienet ilha tbaqbaq fih. Qalulna li minn dejjem wera x-xewqa li jmur jistad minn fuq l-irdum fejn sfortunament iltaqa’ bla ħsieb mal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li kellmet tliet persuni li huma meqjusa bħala xhieda fl-inkjesta li nfetħet.