Destiny Chukunyere rebħet it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta u se tirrapreżenta lil pajjizna fil-Eurovision Song Contest li se jsir f’Rotterdam fl-Olanda f’Mejju li ġej.
Minn erba’ finalisti f’serata mill-isbaħ is-Sibt filgħaxija, kienet il-kantanta ta’ sbatax –il sena li spiċċat fil-quċċata tal-kompetizzjoni.
Qabel tħabbar isem Destiny, ġew eliminati l-kantant Kyle Cutajar u l-grupp ta’ ħames tfajliet, FAITH.
Biex imbagħad fl-aħħar fażi, Destiny kkontestat lill-kantata Justyne Shorefid li wkoll kisbet suċċess kbir fl-età ta’ sittax-il sena.
Fis-serata tas-Sibt spikkat l-interpretazzjoni ta’ kanzunetti klassiċi Maltin fosthom “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel” u “Fejn staħbejtli”.
Bir-rebħa tagħha f’X Factor, Destiny se tiffirma kuntratt ma’ dar tad-diski prestiġjuża u f’Mejju li ġej tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest.
Il-kanzunetta li se tinterpreta f’Rotterdam għad trid titħabbar iżjed ’il quddiem.
Din ma kenitx l-ewwel dehra ta’ Destiny f’avvenimenti kbar bħal dan, hekk kif lura fl-2015 rebħet il-junior Eurovision fil-Bulgarija, kif ukoll dehret f’xows importanti bħal Britians Got Talent f’Londra.
Fil-Finali tas-Sibt spikka wkoll r-ritorn tal-kantanta Għawdxija Michela Pace, li s-sena li għaddiet rebħet l-ewwel edizzjoni ta’ X Factor u rrapreżentat lil Malta fil-Eurovision bid-diska Chamaleon.
Intant fost dawk li awguraw lil Destiny kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru Carmelo Abela li kollha ddeskrivewha bħala żagħżugħa b’vuċi mill-aqwa u mimliJa b’talent mużikali u enerġija pożittiva.