Fuq ix-xandir nazzjonali, il-Kap Adrian Delia rriaferma l-pożizzjoni tiegħu li hu se jibqa’ Kap u qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jibqa’ maħkum mill-ftit.
F’botta ċara lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li kull ċans li jiġiha taqtalu saqajh, Delia qal li fil-Partit Nazzjonalista hemm min għandu d-dritt divin: “Illi l-Partit Nazzjonalista ma jibqax maħkum mill-ftit, ma jibqax qisu hemm dawk illi għandhom dritt divin li jkun tagħhom biss jew ta’ ħadd iktar.”
F’aktar messaġġi ta’ firda u li juru kemm hi fonda l-qasma fil-Partit Nazzjonalista, Delia qal lil ta’ Busuttil li jekk huma jemmnu tant fid-demokrazija, misshom ukoll jissottomettu ruħhom għal test. Huwa stqarr: “Jiena inkun preokkupat ħafna u niddikjara li preokkupat, jekk hemm imqar Membru Parlamentari wieħed biss illi jaħseb illi l-Kap tal-Oppożizzjoni magħżul mill-grupp parlamentari għandu jkun differenti mill-Kap tal-Partit magħżul mit-tesserati tagħna… Illi jekk dawn huma tant demokratiċi, illi bħali ssottomettejt ruħi għal tliet testijiet fl-aħħar sentejn, allura flok jgħidu li għandi nitlaq jien forsi għandhom jaraw huma jissottomettux ruħhom ukoll.”
Fl-intervista, Adrian Delia kompla jitfa’ battuti kontra l-fazzjoni ta’ kontrih u qal li l-Partit Nazzjonalista ilu sejjer ħażin ferm qabel laħaq hu. Delia sostna: “T’għoxrin sena, elezzjonijiet u surveys t’għoxrin sena, biex inkun preċiż t’erbgħa u għoxrin sena.”
Delia anki attakka partikularment l-istil tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil, dan meta qal: “Fl-aħħar sitt snin forsi kien hemm ħafna żmien li aġixxejna qisna għadna fil-Gvern u ma messniex. Irid ikollna l-umiltà li l-ewwel nirrealizzaw li aħna qegħdin fl-Oppożizzjoni.”
F’battuta oħra ċara lil fazzjoni ta’ Busuttil, fl-intervista għadda messaġġ li hu mhux lest iwarrab u qal li jekk qed jegħreq il-vapur, il-kaptan għandu obbligu li ma jabbandunax il-vapur.
B’oħra diretta lil Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, li kienu fost tal-ewwel li ħarġu jitolbu għar-riżenja tal-kap f’din il-gwerra miftuħa, Delia qal li hemm min qed jitfa’ pressjoni biex il-Kap jagħżlu l-grupp parlamentari u mhux it-tesserati Nazzjonalisti.
Delia tenna: “Issa jekk hemm min għandu interess, hu min hu, illi jagħti informazzjoni, illi jiffabrika informazzjoni, illi jitfa’ figuri biex jagħmel pressjoni biex id-deċiżjoni tkun deċiżjoni tal-grupp parlamentari u mhux tesserati tal-Partit Nazzjonalista allura dak argument ieħor.”