Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, żar id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg u ltaqa’ mal-ħaddiema. Dan id-dipartiment imiss direttament mal-ħajja tan-nies u jara li l-interessi tal-ħaddiema qed jitħarsu, filwaqt li jassigura relazzjonijiet industrijali stabbli.
Il-Ministru Abela qal li dan il-Gvern hu impenjat bis-sħiħ favur id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ġlieda kontra l-prattiċi tax-xogħol prekarju. Żied li l-mira tiegħu hi li jara li dan id-dipartiment ikun iżjed proattiv fejn jidħlu spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol, biex nassiguraw li l-kundizzjonijet tal-ħaddiema jkunu skont il-liġi.
Ħabbar li d-dipartiment se jkun involut fl-inizjattiva li se jieħu l-Gvern biex ikun hemm iktar trasparenza fil-pagi, u biex il-pagi tal-ħaddiema tal-kuntratturi li jkunu qed jagħtu servizz lil entità privata, ikunu għallinqas ugwali ma’ dawk tal-entità privata li jkunu qed jagħmlu l-istess xogħol.
Il-Ministru Abela rrefera għall-ħidma li diġà wettaq il-Gvern fejn jidħol it-titjib tal-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema, fosthom, l-introduzzjoni tal-avviż legali li tagħmilha obbligatorja li l-ħaddiema jingħataw dikjarazzjoni tal-paga (payslip) li fiha jkun hemm spjegat, fost l-oħrajn, il-paga dovuta u l-bilanċ tal-leave. F’dan ir-rigward, il-Gvern, fl-aħħar 3 snin, diġà żied ġurnata leave kull sena bħala kumpens għall-btajjel pubbliċi li jaqgħu s-Sibt jew il-Ħadd.
Tkellem ukoll dwar miżura oħra importanti li ttieħdet mill-Gvern, dik relatata mal-paga minima, u ġie assigurat li l-ħaddiema ma jibqgħux fuq il-paga minima għal tul ta’ żmien. Permezz ta’ din il-miżura, ħaddiema li jkunu ilhom sena fl-impieg bil-paga minima, awtomatikament jiżdiedu bi €3 fil-ġimgħa u jerġgħu jiżdiedu bi €3 oħra s-sena ta’ wara.
“Id-dinja tax-xogħol hi magħmula mill-ħaddiema kif ukoll minn min iħaddem. Ma nistgħux nimxu ’l quddiem jekk ma nikkunsidrawx il-pożizzjoni taż-żewġ partijiet. Għaldaqstant, id-djalogu bejn iż-żewġ partijiet għandu jkun kontinwu u miftuħ”, qal il-Ministru Abela.
Ikkonkluda dwar l-isfida li se jkun qed jindirizza l-Gvern, dik relatata mas-sħubija mandatarja fil-unions. Skont il-Ministru Abela, dan hu suġġett delikat li għandu jiġi studjat fid-dettall, bi bżonn ta’ diskussjoni wiesgħa u miftuħa li tifhem l-implikazzjonijiet ta’ deċiżjoni bħal din.