Justin Degabriele ta’ 21 sena minn Ħal Tarxien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li saq b’mod perikoluż u kkaġuna inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ nhar il-Ħamis tard filgħaxija f’Bormla. Kawża ta’ dan l-inċident ħames persuni ttieħdu l-isptar fosthom is-sieħba tal-akkużat li sofriet ġrieħi gravi.
Fl-inċident weġġa’ gravi wkoll tifel ta’ 12-il sena u żewġ persuni oħra ndarbu ħafif. Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Degabriele ġie akkużat ukoll li saq mingħajr il-liċenzja tas-sewqan.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jistax isuq, li jiffirma fl-għassa tal-pulizija mit-Tnejn sal-Ġimgħa u garanzija personali ta’ €10,000.
Għall-akkużat dehru l-avukati Amadeus Cachia u Franco Debono.