Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għadu qiegħed jiġi investigat b’rabta ma’ allegat każ ta’ ħasil ta’ flus.
Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent Ray Aquilina, waqt li kien qiegħed jixhed fl-inkjetsa pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-elezzjoni għall-Kap Nazzjonalista, Daphne Caruana Galizia allegat li Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Is-supretendent Ray Aquilina mit-taqsima tar-reati ekonomiċi, ikkonferma li Delia għadu qiegħed jiġi investigat b’rabta mal-allegat irwol li kellu f’ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho fil-bidu tas-snin elfejn.
Aquilina qal li Adrian Delia ilu jiġi investigat minn Marzu tal-2018 mindu l-Pulizija waslilha rapport tal-FIAU, dwar din l-allegazzjoni li hemm involut fiha l-kap tal-oppożizzjoni.
Adrian Delia ilu mill-2017 b’din l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus fuq rasu. Huwa dejjem baqa’ jirrifjuta li jitlob inkjesta maġisterjal dwar dawn l-allegazzjonijiet serji li saru kontrih.