Il-firda fil-Partit Nazzjonalista baqgħet evidenti bejn il-fazzjonijiet tal-Kap Adrian Delia u dik ta’ Simon Busuttil.
Il-qasma fonda fil-partit ħarġet ukoll f’editorjal tal-gazzetta Nazzjonalista taħt it-titlu Ostakli b’għan ħażin.
In-Nazzjon uża kliem iebes fil-konfront tal-fazzjoni Busuttil u qal li f’dan iż-żmien delikat għall-Partit Nazzjonalista ma jonqsux dawk li għar-raġunijiet tagħhom, uħud minnhom għalkollox egoistiċi, jippruvaw jostakolawh.
F’botta wara l-oħra lejn il-fazzjoni ta’ Busutill li kull opportunità li jkollha taqta’ saqajn Delia, in-Nazzjon qal li għalhekk kulħadd irid jipprova jifhem sew il-motivi ta’ dawk li kuljum qed jostakolaw lill-Partit Nazzjonalista b’kitbiet u diskorsi maħsuba biex jaqtgħu qalb in-nies.
Il-ġurnal Nazzjonalista fetħilha wkoll fuq dak li deherlu li hu skop malinn ġej mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil hekk kif qal li dawk li jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista mhux jagħmlu dan għal xi skop ġenwin iżda għax huma distruttivi min-natura tagħhom jew għal xi għan ulterjuri.
L-editorjal għalaq billi semma kif il-kritika li tasal qed tkun miżjuda b’doża qawwija ta’ velenu.
Dan id-diskors ta’ firda jkompli mal-fatt li għadd ta’ deputati Nazzjonalisti spiċċaw iwaħħlu f’xulxin għas-sitwazzjoni mwiegħra li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess ħin, Adrian Delia, li reġa’ għandu pressjoni kbira biex iwarrab minn dawk li qatt m’aċċettawh fit-tmun tal-partit, qal li mhux se jirriżenja.