Il-Librerija tal-Università ta’ Malta ħabbret li ngħatat l-arkivju ta’ Ġużè Chetcuti mill-familja tal-awtur. Il-materjal, li jinkludi manuskritti, kotba, ittri, kitbiet fil-gazzetti, ritratti, u tifkiriet oħrajn li żamm Ġużè Chetcuti, jinsab fit-taqsima tal-Arkivji tal-Librerija tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq. Issa r-riċerkaturi jistgħu jfittxuh direttament minn fuq OAR@UM jew permezz tas-sistema Hydi fuq is-sit tal-Librerija fuq l-internet.
Fil-bidu tal-preżentazzjoni ta’ din il-kollezzjoni li saret nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2020, id-Direttur tal-Librerija, is-Sur Kevin J. Ellul, tkellem fuq l-importanza ta’ din il-kollezzjoni ta’ Chetcuti, wieħed mill-protagonisti tal-lingwa u l-letteratura Maltija fis-seklu 20. Chetcuti kien rumanzier u drammaturgu ewlieni u kiteb ukoll għadd ta’ xogħlijiet letterarji oħrajn, fosthom poeżiji, kitbiet għall-mezzi tax-xandir u studji dwar l-ilsien Malti u dwar il-letteratura.
L-awtur ħadem mill-qrib ma’ wħud mill-protagonisti tal-istorja tal-Malti, fost l-oħrajn fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Id-Direttur tal-Librerija tal-Università radd ħajr lill-Prof. Carmen Sammut u lill-Prof. Adrian Grima tal-ħidma tagħhom biex il-Librerija kisbet dan l-arkivju. Is-Sur Ellul tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Librerija li tittrasforma waħda mis-swali ewlenin tal-binja f’arkivju ikbar u mgħammar bit-teknoloġija l-aktar avvanzata għall-preżervazzjoni tal-materjal li tirċievi.
Il-Prof. Carmen Sammut, Pro-Rettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità rringrazzjat lill-familja Chetcuti tal-ġest nobbli, lil-Librerija tal-Università tal-ħidma professjonali, u lid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tas-sehem tiegħu f’dan il-proġett u tar-riċerka kontinwa fil-lingwa u l-letteratura Maltija. Fl-istess ħin, il-Prof. Sammut awgurat li din il-kollezzjoni tiġbed l-attenzjoni ta’ riċerkaturi minn oqsma differenti tal-istudju fl-Università. Il-Pro-Rettur saħqet li jeħtieġ li l-Università tieħu l-inizjattiva biex tiġbor il-materjal ta’ personalitajiet ewlenin, speċjalment nisa li kellhom sehem importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-arkivista li ħadmet fuq din il-kollezzjoni, is-Sa Antida Mizzi, qalet li minkejja li qatt ma ltaqgħet ma’ Ġużè Chetcuti, ħassitha li saret tafu mill-qrib permezz tal-arkivju tiegħu, li jinkludi għadd ta’ ittri. Mill-karti jidher li kien bniedem organizzat ħafna u rett f’xogħlu. Barra minn hekk, “Fil-kollezzjoni nsibu studji sħaħ ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kitba tal-Malti għall-eżamijiet tal-Matrikola. Studji oħra huma dwar kif għandu jinbena komponiment, u x’nistennew mill-istudenti.”
Bħala xhieda tal-imħabba tiegħu għal-letteratura Maltija, Antida Mizzi semmiet it-taħżiż ta’ għadd kbir ta’ poeżiji u t-traduzzjonijiet għall-Ingliż u t-Taljan u mill-Franċiz. Minħabba n-namra li kellu għat-teatru, fil-kollezzjoni nsibu għadd sabiħ ta’ drammi mhux biss bil-Malti imma anki bl-Ingliz u bit-Taljan. Skont Antida Mizzi, “għalkemm din il-kollezzjoni mhix kbira, hija sinjura fiċ-ċokon tagħha u toffri ħafna lok għar-riċerka.”
Dawn il-kollezzjonijiet isaħħu u jkomplu jżidu l-valur tal-librerija. Is-Sa Mizzi qalet li “l-manuskritti bit-taħżiż u bin-notamenti tal-awtur juru verament il-proċess kreattiv u l-editjar tal-awtur. Meta l-materjal jiġi kkonsultat mir-riċerkatur u jsiru referenzi għalih f’diversi publikazzjonijiet, tiżdied il-viżibiltà tal-Librerija u tal-kollezzjonijiet speċjali tagħha, u jogħla l-prestiġju tal-Università bħala istituzzjoni ewlenija.”
Il-Prof. Bernard Micallef, mid-Dipartiment tal-Malti, li kiteb l-ewwel teżi tiegħu dwar “Ħjiel ta’ Realiżmu fil-Letteratura Maltija: Ġużè Chetcuti” (1987), qal li għalih, Chetcuti jispikka bħala rumanzier għax baqa’ fidil lejn il-filosofija Determinista u l-ħsieb Pożittivista li fuqhom bena n-narrattiva Realista tiegħu. Fil-kitba tiegħu juri impenn biex kemm jista’ jkun l-ambjent u l-ġenetika jingħataw prominenza, bħala fatturi li dejjem jiddeterminaw l-imġiba umana u l-bniedem qajla jista’ jitqies bħala kuxjenza ħielsa. Din hija viżjoni profonda dwar id-destin miktub tal-bniedem, għax tibdel id-djalettika bejn it-tajjeb u l-ħażin fi bniedem li dejjem huwa vittma taċ-ċirkustanzi. Ir-rumanzi ta’ Chetcuti huma għalhekk mistoqsija kontinwa dwar il-ħtija.
“Bqajt għal dejjem napprezza,” qal il-Prof. Micallef, “kif bniedem metikoluż bħal Chetcuti, li rreġistra u ddokumenta b’reqqa d-dinja ta’ żmienu, silifni r-rumanzi tiegħu, illegati minnu stess, li ma kinux jinstabu għall-bejgħ, meta mort id-dar tiegħu u għidtlu li kont se nagħmel it-teżi fuq in-narrattiva tiegħu.”
Waqt il-preżentazzjoni ta’ din il-kollezzjoni ġdida li kisbet l-Università ta’ Malta, dawk preżenti, fosthom Dr Michael Spagnol, kap tad-Dipartiment tal-Malti u letturi oħrajn, setgħu jaraw uħud mill-kitbiet, il-pubblikazzjonijiet u r-ritratti tal-awtur.