Statistika uffiċjali maħruġa mill-Eurostat tindika li f’Diċembru l-bejgħ mill-ħwienet kien 5.6% ogħla mill-livell li kien osservat fl-istess xahar tal-2018. Skont l-aġenzija statistika tal-Unjoni Ewropea dan kien ifisser li Malta kellha it-tielet l-aqwa bejgħ mill-ħwienet minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 1.9% biss. B’hekk iż-żieda f’Malta kienet kważi tliet darbiet il-medja Ewropea.
Ta’ min jinnota li r-riżultat ta’ Diċembru isegwi żieda ta’ 3.5% fix-xahar ta’ qabel. Anke f’Novembru iż-żieda osservata f’Malta kienet ferm ogħla mill-medja Ewropea.
Din l-istatistika uffiċjali tikkonferma li d-diskors tal-Oppożizzjoni li bħalissa pajjiżna għaddej minn riċessjoni “Made in Malta” mhuwiex ibażżat fuq ir-realtà. Il-konsum f’pajjiżna kien b’saħħtu ħafna u ferm aktar għoli mill-pajjiżi tal-madwar.
It-titjib fil-bejgħ tal-ħwienet jispejga għalfejn pajjiżna ra l-akbar zieda f’aktar minn għaxar snin fl-ottimiżmu. Fil-fatt stħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea wera li f’Jannar is-sentiment ekonomiku tjieb b’10% f’Malta.