Matul iż-żjara tiegħu ġewwa l-istazzjon Nazzjonali PBS, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela tkellem mal-ħaddiema tal-istazzjon kemm dawk ta’ quddiem il-kamera u ta’ wara l-kwinti fejn laqgħuh b’merħba sabiħa hekk kif qasmu l-esperjenzi tagħhom fi ħdan l-istazzjon.
Iż-żjara saret propju f’għeluq l-45 sena mit-twaqqif tal-istazzjon Nazzjonali u minn meta sar membru tal-European Broadcasting Union b’membri f’65 pajjiż kemm fl-Ewropa kif ukoll lilhinn minnha taħt idejha.
Il-Ministru saħaq kif matul dawn l-45 sena konna xhieda ta’ diversi żviluppi kbar fil-qasam tax-xandir f’pajjiżna fosthom dawk teknoloġiċi. Semma kif bit-tekonoloġija dejjem qed tavvanza qed naffaċċjaw sfidi u opportunitajiet ġodda. Sostna li bħala Ministru responsabbli mill-PBS u mix-xandir jinsab impenjat li jara li dawn l-opportunitajiet jittieħdu, li negħlbu l-isfidi u ndawruhom favur taghħna sabiex inkomplu l-missjoni tagħna ta’ servizz tax-xandir pubbliku. Filwaqt li jkompli jiġi offrut prodott professjonali u ta’ kwalità u li l-PBS jilħaq il-miri ekonomiċi u kummerċjali tiegħu.
Semma kif fl-2018 il-PBS kien l-uniku servizz ta’ xandir pubbliku fejn id-dħul prinċipali tiegħu kien ġej mir-riklami u kien jilħaq aktar min-nofs tad-dħul operattiv. Dan juri biċ-ċar li d-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi, għalkemm hija waħda sostanzjali, hija ferm anqas min dik ta’ pajjiżi oħrajn. Filwaqt li tixhed li ninsabu fit-triq it-tajba u li hemm bażi li tissokta l-ħidma sabiex intejbu l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija.
Saħaq fuq l-importanza tal-irwol tax-xandara pubbliċi u li nżommu komunikazzjoni ma’ kull ċittadin u ninkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika li huma parti mill-pedamenti fundamentali sabiex tkun tista’ tiffunzjona d-demokrazija.
Abela tenna li għandna sfida quddiemna li nżewġu dawn iż-żewġ aspetti permezz ta’ strateġija ċara fejn minn naħa rridu nissodisfaw id-dmirijiet tagħna bħala xandara fl-ambitu tas-servizz pubbliku u li noperaw f’ambjent kompetittiv li dejjem jiżviluppa mudelli u pjattaformi ġodda.
Huwa qal li l-Gvern huwa impenjat li jagħti l-appoġġ u l-impenn tiegħu biex titkompla tissaħħaħ filwaqt li tiġġedded l-kumpanija, l-operat, u n-nies li jaħdmu fiha. L-ebda investiment ma jista’ jirnexxi jekk ma ninvestux fin-nies, u l-Ministru Abela qal li jrid jara li dan iseħħ.