Adrian Delia mill-ġdid qiegħed jintalab mill-fazzjoni ta’ Busuttil sabiex iwarrab minn Kap Nazzjonalista.
Żvelat dan il-gazzetta The Times of Malta, wara li Delia kiseb riżultat diżastruż fl-aħħar stħarriġ tal-Malta Today, li wera li huma biss 13% tal-Maltin li għandhom fiduċja fih.
Dawn ir-riżultati mistennija jkunu diskussi f’laqgħa tal-eżekuttiv li se ssir aktar tard illum dwar is-suppost riforma li kellha ssir fil-Partit Nazzjonalista u li kellha titlesta sal-aħħar ta’ Jannar.
Deputati qrib il-fazzjoni ta’ Busuttil tkellmu mal-ġurnal u spjegaw li b’Delia fit-tmun, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirriskja li jitkaxkar totalment u għaldaqstant qegħdin jinsistu li jiddiskutu mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ Delia fit-tmexxija tal-Partit.
Min-naħa tagħha l-fazzjoni ta’ Delia qiegħda ssostni li l-istħarriġ li sar kien imxaqleb kontra l-Partit Nazzjonalista. Akkużat ukoll deputati tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil li qegħdin jagħmlu l-bsaten fir-roti għall-Kap u li ilhom jagħmlu dan mindu Adrian Delia tefa’ ismu biex ikun Kap sentejn u nofs ilu. Żiedu li t-triq għan-niżla taħti għaliha l-attitudni distruttiva tal-fazzjoni ta’ Busuttil għax baqgħu qatt ma aċċettawh fit-tmun tal-partit.
Fil-fatt dan l-attentat biex Delia jwarrab minn Kap qed isir 6 xhur biss wara li l-fazzjoni Busuttil kienet ġegħlitu jitlob vot ta’ fiduċja fost il-kunsilliera Nazzjonalisti wara t-telfa massiċċa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Vot li għalkemm rebħu b’madwar 40% tal-voti tal-kunsillieri, id-deputati tal-fazzjoni Busuttil baqgħu ma aċċettawhx.
Iżda sorsi fil-Partit li tkellmu mat-Times indikaw li din id-darba d-Deputati qegħdin jippruvaw jikkonvinċu lil Delia biex iwarrab minn jeddu sabiex ma jitnaffrux il-partitarji ta’ Delia.
Madanakollu, dawn l-attentati sa issa għadhom ma ħallewx frott u s-sorsi tal-ġurnal qalu li iktar ma jgħaddi żmien, Delia qed jinqata’ mir-realtà.
F’dan l-istadju, il-fazzjoni Busuttil qiegħda tgħidu li l-unika soluzzjoni għalih hi li jwarrab fl-aħjar interessi tal-Partit, anke possibbilment bħala parti mis-suppost riforma li qed iwettaqlu l-eks ministru Louis Galea.