32 sena jixgħel u jitfi x-xemgħa iżda mhux biss.
Frans Dalli ilu daż-żmien kollu jagħmel xogħlu ta’ sagristan b’dedikazzjoni liema bħala fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Spjegalna li bħal ma bin is-sengħa għandu nofsha, missieru li għamel nofs seklu jaħdem ta’ sagristan fil-Knisja ta’ Ħal Tarxien, qabbdu n-namra.
Dalli qal: “Mhux bħalma meta konna qabel, dak iż-żmien lanqas television, niftakar bla television id-dar, jiġifieri malli kont niġi mill-iskola jew mix-xogħol konna niġu fejn il-pa biex inqattgħu l-ħin hemmhekk, fl-istess ħin kont nieħu pjaċir għax dak parti mid-delizju tiegħi.”
Frans qalilna wkoll kif żewġ ħutu huma wkoll sagristana, wieħed minnhom fil-Kon-Katridal ukoll.
Iżda jekk missieru xettel fih u f’ħutu l-ħidma fil-Knisja, mhux l-istess ġara ma’ wlied Frans.
Dalli tenna: “Illum hawn ħafna telf tal-karriera ta’ sagristan pereżemju jien kelli tlett itfal ippruvajt inġibhom hawn, daħħalthom abbatini imma ma tantx, illum hawn ħafna xi jtellifhom.”
Is-sagristan spjegalna kif erba’ xhur wara li daħal jaħdem ta’ sagristan, beda bil-banda.
Fost l-oħrajn serqu l-Caravaggio.
Dalli sostna: “Ħija twerwer kien daħal ħija u xħin ra l-Madonna mal-art ċempilli qalli Frans qalli ħadu lill-Madonna ta’ Caraffa għar-restawr. Għedtlu sa fejn naf jiena fid-duty tiegħi ma daħal ħadd. U qalli ejja malajr qalli għax naħseb li serquna. U mabgħad ġimgħa wara reġgħet ġiet disgrazzja oħra, għax għalija disgrazzji dawn.”
Is-Sagristan li issa qed jirtira, tkellem magħna dwar esperjenzi sbieħ, fosthom l-ewwel żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni f’Malta.
Qalilna li għandu għali għall-mewt li mqar ma bieslux idejh, hekk kif mal-Papa kien hemm sigurtà kbira.
Ma naqasx li jsemmilna x-xogħol impenjattiv li kellu fil-Kon-Katidral għall-funerali statali.
Dalli qal: “L-ewwel wieħed li niftakar jien ta’ Sir Anthony Mamo, Xuereb Pawlu Xuereb, Agatha Barbara, De Marco, ta’ Mintoff u Tabone, dawk ilħaqt jiena, sitta kbar.”
Filwaqt li qabel għalaq il-bieb, sħabu awgurawlu, Frans qalilna li mhux se jieqaf, hekk kif se jiddedika aktar ħin għall-festa tal-Madonna tad-Duttrina f’Ħal Tarxien.
Fuq kollox lil Frans nixtiequlu s-serħan mistħoqq wara snin twal ta’ servizz f’ġawhra li hemm fil-qalba tal-Belt, il-Kon-Katidral.