L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se tkun qed tinvesti kważi nofs miljun ewro sabiex tkompli ttejjeb l-operat tagħha fil-qasam ambjentali ta’ pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-bini tal-awtorità stess ġie spjegat kif matul ix-xhur li ġejjin se jkun qed isir eżerċizzju sabiex jiġu riformati prattiċi tal-permessi tal-konformità tal-awtorità, filwaqt li jiġu massimiżati r-riżorsi tal-istess awtorità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Louise Spiteri stqarret: “Żgur illi l-poplu Malti ħa jkun qed jibbenefika. L-ewwel nett se tibbenefika l-entità għax se ttejjeb anka u tkun tista’ tara mezzi u tesplora affarijiet kif tista’ ttejjeb l-aspett regolatorju tagħha. Ovvjament aħna qegħdin hawn ukoll biex nagħtu servizz tajjeb liċ-ċittadin fejn jidħol il-qasam ambjentali.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia sostna li se jkun hemm proċessi ċari u trasparenti għall-awtorizzazzjoni ta’ permessi, faċilitajiet, u attivitajiet li għandhom impatt fuq l-ambjent.
Sostna li b’mod ġenerali, se jissaħħaħ l-infurzar ambjentali partikolarment billi l-ERA jkollha l-funzjonijiet operattivi biex tevita l-impatti negattivi fuq l-ambjent, kif ukoll biex tintegra kunsiderazzjonijiet ambjentali f’deċiżjonijiet tal-ippjanar u l-iżvilupp.
Kompla jispjega li tliet snin wara r-riforma tal-ippjanar huwa importanti għall-Gvern li jkompli jsaħħaħ lil din l-awtorità. Il-Ministru Farrugia sostna: “Bażikament qed insaħħu r-regolatur ambjentali, l-ERA biex id-demerger li saret 3 snin ilu u li saret ħafna xogħol inkomplu nibnu din l-awtorità. Fejn jidħol komformità u fejn jidħlu permessi aħna qed naraw li għandna pjan ta’ fejn qegħdin, fejn se mmorru u kif se naslu. B’dan il-proġett qed inġibu l-esperti Ewropej magħna biex jgħinuna bl-esperjenza tagħhom biex naslu fid-destinazzjoni li għażilna.”
Il-proġett mistenni jsaħħaħ ukoll il-ħiliet tal-impjegati tal-ERA, jintroduċi prattiċi moderni li huma effiċjenti u jtejjeb l-amministrar tal-informazzjoni u l-ħidma tal-Awtorità.