Chantelle Chetcuti hi l-ewwel vittma ta’ qtil din is-sena. Hija tilfet ħajjitha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, anqas minn erbgħa u għoxrin siegħa wara li qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina f’bosta partijiet ta’ ġisimha inkluż f’rasha u f’għonqha. L-ex sieħeb tagħha, Justin Borg li huwa bejjiegħ tal-ħaxix huwa s-suspettat ewlieni bil-qtil tagħha.
Il-każ seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja u kwart, meta persuni rrappurtaw fl-Għassa tal-Pulizija li fuq il-bankina fi Triq il-Kbira quddiem il-każin tas-St. Patrick’s, kien hemm mara mitlufa minn sensiha.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li ftit ġimgħat ilu l-vittma kienet temmet ir-relazzjoni tagħha mar-raġel madankollu huwa baqa’ jiġri warajha. Tant li l-Ħadd filgħaxija, waqt li Chetcuti kienet qiegħda fil-każin tas-St Patrick’s ma’ ġuvni ieħor allegatament Borg li kien jidher taħt l-influwenza tal-alkoħol, mar għaliha u daħal joffendiha fil-każin.
Xhieda fuq il-post qalu li l-argument kompla barra, fejn eskala ħafna b’Borg allegatament ta diversi daqqiet ta’ sikkina f’ras u fl-istonku tal-vittma, ħarab minn fuq il-post u ħalla lill-vittma mitlufa minn sensiha fl-art bis-sikkina imwaħħla f’rasha.
Il-Pulizija tad-Distrett mill-għassa ta’ Ħaż-Żabbar kienu minn tal-ewwel fuq il-post fejn flimkien mal-Pullzija tar-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija ma’ Malta kollha għall-aggressur. It-tfittxija intemmet ftit wara meta r-raġel mar minn jeddu id-depot tal-Pulizija mimli demm u b’xi feriti f’idejh. Huwa ttieħed l-isptar għall-kura minħabba l-feriti li kellu, u wara li ngħata l-għajnuna medika, ittieħed lura d-Depot fejn beda jiġi interrogat. Ir-raġel ġie arrestat minnufih u fi tfittxija li saret fuqu, instabet sustanza illegali suspettata droga.
Il-vittma ttieħdet mill-ewwel l-Isptar Mater Dei iżda l-isforzi tat-tobba biex isalvawlha ħajjitha fallew ftit tas-sigħat wara li ddaħħlet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Filmati miġbuda minn ONE News minn fuq ix-xena tad-delitt juru li l-mara tilfet ħafna demm. Chantelle li hija minn Ħal Safi u omm ta’ żewġt ibniet.
Ir-raġel li allegatament qatilha, huwa missier iż-żewġ uliedha u għandu tlieta u tletin sena. L-eks sieħeb tal-vittma mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin fejn se jiġi mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu u li kellu fil-pussess tiegħu sustanza illegali.
Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tal-Omiċidji. Dwar il-każ infetħet ukoll inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.