Proġett ta’ ħames miljun ewro qed jara l-iskola sekondarja ‘Kulleġġ San Tumas More’ taż-Żejtun tissebbaħ u titkabbar biex minn waħda antika ssir waħda moderna u aċċessibli għal kull student.
B’ħidma li bdiet fis-Sajf li għadda, l-iskola li llum għandha madwar sittin sena, qed tinbidel fi skola moderna hekk kif ma kull blokka qed jinbena sular ieħor u saħansitra il-klassijiet qed jintramaw mill-ġdid.
Inbidlu wkoll is-sistemi ta’ dwal, elettriku, ilma u drenaġġ u twaqqgħu is-soqfa fejn kien hemm bżonn.
Il-kap tal-iskola Anna Spiteri spjegat kif il-proġett qed isir f’fażijiet biex l-istudenti ma jinħarġux kollha f’daqqa mill-iskola.
“Diġa għandna żewġ blokki lesti, il-blokka numru wieħed, bħalissa qegħdin fih u blokka numru tnejn u beda x-xogħol fuq blokka numru tlieta sabiex ftit ftit l-iskola kollha tieħu l-kostruzzjoni ta’ sular ġdid u ‘refurbishment’ qawwi li tant kellna bżonn.” Stqarret il-Kap tal-iskola.
Studenta li qed tistudja biex issir stilista tax-xagħar, stqarret kif il-laboratorji ġodda fl-iskola huma attrezzati bl-aħjar apparat.
Mariska Abdilla qalet, “Qisha salon fil-veritá, allura jitgħallmu qishom qegħdin fuq il-post tax-xogħol fil-futur tagħhom.”
Student li qed jistudja s-suġġett vokazzjonali tal-Midja stqarr kif għalih hija opportunitá sabiħa li ta’ kuljum qed jitgħallem fuq l-iktar apparat modern.
“Din il-kamra hija vera spazjuża, għandna kompjuters up to date anke l-kameras. Għandna ħafna equipment.” Stqarr Luca Lahtinen.
Il-ministru tal-edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif huwa importanti li s-sistema edukattiva toffri opportunitá ugwali lill-istudenti kollha. Għaldaqstant huwa importanti li l-iskejjel ikunu attrezzati sabiex l-istudenti ikunu jistgħu jistudjaw fuq l-apparat li jintuża fl-industrija llum.
“Hawnhekk qed isir investiment importanti ħafna mhux biss biex tittejjeb il-klassi, biex l-ambjent ikun isbaħ, imma anke biex ikun hawn il-labs sabiex student li jagħżel ċertu suġġetti ikun jista’ jitgħallem suġġetti applikati vokazzjonali propju fl-istess kulleġġ li jkun qed imur fih.” Saħaq il-Ministru Bonnici.