Raġel mis-Sudan ta’ 32 sena ġie arrestat wara li qabad surġent tal-pulizija minn għonqu u kkawżalu xi ġrieħi waqt li kien qed jiġi mmanettjat.
Dan il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ filgħodu barra stabbiliment viċin il-bajja ta’ Spinola. Huwa mifhum li kien qed ikun vjolenti u l-pulizija tad-Distrett għamlu ħilithom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Minflok, ir-raġel baqa’ vjolenti u beda jhedded lill-pulizija preżenti fuq ix-xena.
Kien hawn li l-pulizija ppruvaw jarrestawh iżda r-raġel ħarab jiġri minn fuq il-post. Bl-assistenza tal-pulizija mit-Taqsima tal-RIU, ir-raġel inqabad u waqt tfittxija fuq persuntu, instabu erba’ pakketti b’sustanza ħadra u pinnola suspettata droga.
Ir-raġel ittieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan u wara ġie skortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.