Minn Marzu li ġej se jitqassmu 15-il borża ta’ studju b’investiment ta’ €90,000 b’rabta ma’ kors ġdid f’livell ta’ Masters fl-Interpretazzjoni tal-Patrimonju offrut mill-istitut għall-istudji turistiċi.
Dan il-kors f’livell sebgħa tal-akkreditazzjoni se jagħti l-ħiliet u l-kompetenzi għall-gwidi tat-turisti sabiex ikunu jistgħu jinterpretaw aħjar oġġetti, siti u artifatti sabiex jagħtu esperjenza aħjar lil turisti li jżuru siti storiċi relatati mal-patrimonju kulturali.
Id-direttur tal-affarijiet akkademiċi fl-istitut il-Professur Glen Farrugia qal li l-kors huwa miftuħ għal studenti wkoll. Huwa spjega: “Il-gwidi turistiċi li jridu jispeċjalizzaw f’qasam partikolari, ukoll dawk l-istudenti li forsi qed jitħarrġu jew isegwu kors fuq livell ta’ sitta fuq l-arkeoloġija, l-istorja jew mużeoloġija iżda wkoll gwidi ta’ ċertu esperjenza nfatti ħa nkunu qegħdin aħna naċċettaw nies bil-maturity clause li għandom il-liċenzja u l-esperjenza tal-gwidi turistiċi biex ikomplu they upskill themselves fuq livell ta’ sebgħa.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech sostna li b’dan il-kors qed tingħata opportunita għal gwidi tat-turisti sabiex jiksbu l-ogħla livell ta’ ċertfikazzjoni.
Iċ-chairman Carlo Micallef innota li l-gwidi tat-turisti jilgħabu rwol importanti ferm għax joffru informazzjoni lit-turisti matul il-btala tagħhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli faħħret din l-inizjattiva u qalet li se tgħin biex jiżdiedu l-ħaddiema fil-qasam turistiku. Hija sostniet: “Għalina l-ħaddiema huma l-pulmun ta’ din l-industrija. Dan huwa kors mill-isbaħ li f’Marzu li ġej se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba. Se jkollna ħmistax-il scholarship li l-Gvern se jkun qed jagħti b’xejn u l-kors ħa jkun imħallas kollu 6,000 ewro li se joħroġhom il-Gvern Malti.”