Għal tliet snin oħra, Il-Gvern se jkun qed jagħti żewġ miljun ewro lill-Fondazzjoni Richmond.
Mal-elfejn persuna fis-sena jirrikorru għal wieħed mill-11-il servizz li toffri l-Fondazzjoni Richmond, partikolarment dwar is-saħħa mentali.
Skont informazzjoni li toħroġ mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, persuna minn kull tlieta tesperjenza diffikultà ta’ saħħa mentali f’xi mumenti f’ħajjitha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephanie Dimech Sant, spjegat li l-fondazzjoni tipprovdi servizzi ta’ counselling u appoġġ lil min imqar imiss difrejh mas-saħħa mentali.
“Jekk dak li jkun jitgħallem kif jimmaniġja s-saħħa mentali tiegħu, bl-istess mod li nimmeniġjaw is-saħħa fiżika, id-diabete pereżempju, jekk inti titgħallem timmaniġjaha, tevita li jkollok kriżijiet”
Il-Gvern se jkun qed jiffinanzja mill-ġdid tliet servizzi li toffri l-Fondazzjoni li huma: Programm għat-Tfal biex jgħinu lil tfal ta’ bejn is-seba’ u l-għaxar snin li jkollhom imġieba diffiċli; Villa Chelsea, programm ta’ rijabilitazzjoni fil-komunità għall-persuni li għandhom sfidi fis-saħħa mentali u skema ta’ għajnuna fid-djar għall-persuni li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali b’mod kroniku.
“Il-finanzjanment illi jipprovdilna l-Gvern jagħmilha possibbli biex aħna nibqgħu noffru dan is-servizz. In-nies li għandhom bżonn qed jiġu rriferuti b’mod kontinwu u allura kieku ma jiġix dan il-finanzjament aħna jkollna nieqfu.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal illi l-Gvern għandu obbligu li jindirizza l-isfidi tas-saħħa mentali.
“Il-Gvern se jkun qed isaħħaħ, jisponsorja tliet servizzi differenti qed nitkellmu qisu madwar żewġ miljun ewro mifruxin fuq tliet snin. Mental health hija issue fid-dinja kollha, qed tiżdied u allura rridu nkunu ppreparati għaliha wkoll.”
Wieħed jista’ jilħaq il-fondazzjoni Richmond anke permezz tal-helpline 1770.