L-Awditur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tal-Finlandja, is-Sinjura Tytti Yli-Viikari, tinsab Malta biex tattendi diskussjonijiet bilaterali bil-għan li tissaħħaħ dejjem aktar il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta (NAO). Is-Sinjura Viikari għandha esperjenza estensiva fl-International Organisation of Supreme Audit Institutions (INTOSAI) li hija għaqda dinjija li tiġbor fiha l-istituzzjonijiet tal-verifika nazzjonali.
Hija kienet milqugħa fl-NAO mill-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, u d-Deputat Awditur Ġenerali, Noel Camilleri, kif ukoll minn uffiċjali għolja ta’ dan l-uffiċċju.
Id-diskussjonijiet, li kienu jinvolvu skambju sinċier ta’ esperjenzi u kompetenzi fuq numru ta’ suġġetti li jinteressaw liż-żewġ naħat relatati mal-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku, iffukaw b’mod partikolari dwar kif istituzzjonijiet ta’ verifika nazzjonali għandhom funzjoni kruċjali biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-servizz pubbliku. Barra minn hekk, it-tliet assistenti awdituri ġenerali fi ħdan l-istess uffiċċju, taw ħarsa ħafifa lejn ix-xogħol u l-isfidi tas-sezzjonijiet ta’ verifika rispettivi tagħhom.
Matul iż-żjara qasira imma intensiva tagħha, is-Sinjura Viikari għamlet ukoll diskors interessanti ħafna għall-impjegati kollha tal-NAO bit-tema ‘Current Trends in Public Audit – a Global Perspective’. Hija saħqet dwar “il-valur kbir li għandha l-verifika pubblika biex tipprovdi għarfien profond waqt teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet proċedurali kumplessi, kif ukoll biex issaħħaħ aktar il–koerenza tal–politika konċernata u tal-mekkaniżmi ta’ kontabilità”. Hija kkonkludiet billi qalet li “jeżisti potenzjal tremend f’dawk li huma kooperazzjoni u standards internazzjonali, u fil-fatt huwa minħabba hekk li nħossni kuntenta ħafna nitgħallem mill-prattiki tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta u naqsam ħsibijieti dwar il-kwistjonijiet kurrenti li l-amministrazzjonijiet tagħna qed iħabbtu wiċċhom magħhom”.
Ritratti: NAO