B’150 avveniment mifruxin matul is-sena 2020, Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali għall-mużewijiet, konservazzjoni, u wirt kulturali, qiegħda tiftaħ il-bibien tas-siti tagħha beraħ għal kull min jixtieq jesperjenza l-istorja ta’ pajjiżna.
Dan saħqu s-Sur Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, waqt it-tnedija tal-programm ta’ avvenimenti għas-sena 2020 ġewwa l- Forti Sant’ Anġlu, il-Birgu.
L-għan prinċipali ta’ Heritage Malta, stqarr Noel Zammit, hu li permezz ta’ din il-kollezzjoni ta’ attivitajiet diversi u interattivi, tħajjar lil persuni minn kull qasam tal-ħajja sabiex jersqu iktar qrib tal-patrimonju storiku Malti.




“Il-kunċett ta’ mużew irnexxielna nibdluh,” enfasizza is-Sur Zammit. “Illum, il-mużew mhuwiex biss lok fejn nippreservaw il-patrimonju tagħna, iżda hu spazju ħaj, li permezz tal-attivitajiet li jsiru ġo fih, hu attraenti għal kulħadd.”
Dan joħroġ ċar mill-varjetà ta’ attivitajiet ippjanati matul ix-xhur li ġejjin. Minn workshops għall-ftuħ ta’ siti li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku, minn ikliet mis-serje Taste History għal żjarat madwar Filfla, il-programm ippreżentat mill-aġenzija nazzjonali joffri xi ħaġa għal kulħadd.
Fl-ewwel intervent tiegħu waqt l-istess tnedija, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Dr José Herrera, enfasizza l-importanza li l-gvern qiegħed jagħti lil dan is-settur, li, wkoll fl-isem tal-ministeru, eleva l-kultura għall-wirt nazzjonali.
Il-Ministru Herrera enfasizza wkoll kif il-programm ippreżentat huwa riflessjoni ta’ ħidma li ilha għaddejja, li tinkludi wkoll proġetti ta’ riċerka u kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħrajn fil-qasam.
“Nemmen ħafna fil-kollaborazzjoni ma’ entitajiet non-governattivi li bħal Heritage Malta, għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna”, stqarr il-Ministru Herrera. “Flimkien għandna iktar saħħa li nippreservaw il-patrimonju tagħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Il-programm sħiħ tal-avvenimenti huwa aċċessibbli online fuq www.heritagemalta.org.