Masġar ġdid li jagħti minn Triq il-Wied fl-Imsida għal Triq Reġjonali fl-istess lokalità se joffri żona ta’ rikreazzjoni mill-aqwa lill-familji Maltin.
Il-Ġimgħa filgħodu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg kif ukoll rappreżentanti ta’ Infrastruttura Malta żaru x-xogħlijiet li qed isiru fil-masġar. Il-Ministru Borg spjega kif aktar minn sena ilu kienu żaru l-istess sit fejn kien tħabbar il-proġett infrastrutturali tat-Triq Reġjonali. Huwa fakkar kif illum dan il-proġett diġà beda jitgawda mid-diversi nies f’din l-arterja prinċipali, li b’disinn ġdid u b’investimenti varji wassal biex din it-triq mhux biss titjib imma issir aktar sigura.
“Kulħadd qed jara u japprezza u jgawdi mill-ewwel interventi li qed isiru anke fil-Marsa u f’Santa Luċija u proġetti li tlestew. Hawnhekk sibna triq li stajna ngħaddu mingħajra imma mhux neħħejniha u ħadd ma jużaha, għamilna masġar ta’ madwar 500 siġra.”
Fil-masġar intużaw 2000 tunnellatta ta’ ħamrija li nqalgħet minn postijiet oħra waqt l-implimentazzjoni ta’ proġetti oħra ta’ toroq. Sar investiment ukoll fi crash barriers tul parti minn Triq il-Wied biex il-karozzi ma jiġux ipparkjati fuq l-għeruq ta’ siġar li ilhom hemm żmien.
Sar ukoll tindif tal-ġibjun eżistenti li jilqa’ l-ilma tax-xita u li jgħin biex jiġu kkonservati dawn is-siġar.
Il-masġar Charles Grech li wkoll kien preżenti għaż-żjara tal-Ministru Borg spjega li dan il-masġar diġà qed jibda jitgawda mill-familji, iżda jridu jgħaddu mal- ħames snin biex jitħaddar b’mod li verament ikun masġar mediterranju.
“Il-masġar tagħna jiddependi mill-mikroklima li jsib. Fil-qiegħ tal-wied fejn hemm l-ilma, se jikbru siġar tal-widien. Meta titla’ aktar ‘il fuq se ssib siġar bħar-rand fejn il-ħamrija tkun aktar niedja.”
Apparti kuntratti għat-tħawwil tas-siġar f’din iż-żona, Infrastruttura Malta ħarġet ukoll kuntratti għaż-żamma u l-manutenzjoni xierqa ta’ dan il-masġar.