Fi stqarrija Identity Malta spjegat l-istatus residenzjali ta’ ċittadini mir-Renju Unit f’pajjiżna, hekk kif iseħħ BREXIT fi ftit tas-sigħat oħra.
Dwar dan il-Gvern Malti ippubblika avviż legali li jirregola liċ-ċittadini tar-Renju Unit f’pajjiżna, f’konformità mal-aħħar ftehim li ntlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar BREXIT.
Identity Malta spjegat li ċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkunu qed joqgħodu hawn Malta skont id-drittijiet tagħhom rikonoxxuti fil-ftehim ta’ BREXIT.
Qalet li dawn se jkunu jistgħu jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor tal-Unjoni Ewropea b’mod ħieles sal-aħħar jum tal-perjodu tranżitorju, li sa issa hu maqbul li se jkun l-aħħar ta’ din is-sena.
Ġie spjegat ukoll li dawk iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu jridu jiġu f’Malta waqt il-perjodu tranżitorju jistgħu japplikaw għal status residenzjali ġdid, tliet xhur wara l-wasla tagħhom f’pajjiżna.
Identity Malta qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tilħaq potenzjalment dawk li se jintlaqtu minn dan it-tibdil.
Qalet li għall-applikazzjoni ta’ residenza valida għall-għaxar snin mhux se jintalab ħlas biex din tiġi proċessata.
Ritratt: Malta Profile