Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħabbar bidla fl-ittri ta’ informazzjoni li jibgħat lill-pensjonanti.
Minn din is-sena, l-ittra li tindika d-dati tal-pagamenti tal-pensjoni kontributorja li jkunu tħallsu fis-sitt xhur ta’ qabel u d-dati li fihom tkun se titħallas il-pensjoni fis-sitt xhur li jkunu ġejjin, u l-ittra l-oħra li turi l-ammont ta’ pensjoni mħallsa u l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa, ser jiġu amalgamati f’ittra waħda.
Bis-saħħa ta’ dan it-tibdil, pensjonant se jkollu l-ammont li jkun irċieva bħala pensjoni kontributorja, kif ukoll it-taxxa li tkun tnaqqset, indikata minn qabel fl-istess formola tat-taxxa li jirċievi mingħajr il-bżonn li din l-informazzjon toqgħod timtela’ mill-pensjonant stess.
Din l-ittra mistennija tintbagħat f’Marzu.
Fi stqarrija, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali spjega li l-pensjonanti m’għandhomx għalfejn jinkwetaw għax se jdumu xahar iżjed biex jirċievu din l-ittra għax il-pensjoni dejjem se tibqa’ toħroġ u tkun depożitata bħal dejjem.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 153.