Il-President tal-Kunsill Amministrattiv, id-deputat nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici fetaħ attakk fuq il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u akkużahom bi proċess sistematiku ta’ aħbarijiet foloz fil-konfront tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia.
F’sensiela ta’ botti fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Mifsud Bonnici tkellem dwar il-qagħda fil-Partit Nazzjonalista u ddefenda lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Xhur qabel il-ħatra tiegħu fit-tmun tal-partit nazzjonalista, Delia spiċċa fil-qalba ta’ allegazzjonjiet gravi li għamlet dwaru il-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fost oħrajn, hija akkużatu li daħħal flus f’kont f’bankarju f’Jersey li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Carm Mifsud Bonnici, deputat ewlieni fil-fazzjoni ta’ Delia, qal li smajna diversi allegazzjonijiet.
“F’mumenti ma kenitx tgħaddi ġimgħa li ma kinitx tiġi vvintata xi storja ġdida. Kien hemm proċess sistematiku ta’ fake news li bih daħlet żerriegħa f’ras uħud.”
Il-kummenti ta’ Mifsud Bonnici jkomplu jixhdu l-inkwiet u l-ġlied intern li għadu fih l-Partit Nazzjonalista sentejn u erba xhur mindu Delia ħa tmexxija tal-partit nazzjonalista.
Osservaturi politiċi baqgħu jsostnu li Delia ma rnexxielux jgħaqqad il-Partit u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ma temminx li Delia huwa kredibbli biex imexxxi l-Partit Nazzjonalista.
Dan għax għandu fuq rasu allegazzjonijiet gravi ta’ ħasil ta’ flus li dwarhom Delia baqa’ qatt ma talab inkjesta sabiex inaddaf ismu.