Il-Gvern mhux se jappella mid-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali li sabet li kien hemm ksur tad-dritt tal-espressjoni meta ġie ordnat it-tindif tal-monument tal-assedju l-kbir.
Fi Stqarrija il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza stqarr li ħa nota tas-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) mogħtija illum mill-Imħallef Joseph Zammit Mckeon.
Wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u mal-Avukat tal-Istat, Il-Ministeru jtenni illi l-Gvern mhuwiex se jappella mis-sentenza, u dana minkejja d-dritt illi jagħmel dan skont il-liġi.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jappellax mis-sentenza qed issir b’konsistenza mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan il-każ, temmet tgħid l-istqarrija.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti irrakkomanda biex dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-protesti fil-Belt jevitaw kull twaħħil jew tqegħid ta’ oġġetti ta’ protesta mat-tliet figuri tal-Monument tal-Assedju l-Kbir u mal-pedestall abjad.
Qalet li fl-eżerċizzju tal-jedd tal-libertà tal-espressjoni, għandu jintwera sens għoli ta’ kura, responsabbiltà, rispett u sensittività lejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir u lejn iż-żona tal-madwar.
Fid-dawl ta’ dan qalet li għandu jiġi evitat li fuq il-pedestall tal-ġebel jew irħam abjad jitqiegħdu oġġetti ta’ protesta, inkluż xemgħat, fjuri jew xtieli.
Il-Qorti qalet l-oġġetti jistgħu jitqiegħdu mal-parti tal-istruttura komposta minn ġebla rozza.
Il-Qorti ordnat li l-oġġetti jitstgħu jitqiegħdu fis-sit bil-mod u manjiera rakkomandata u indikata mill-Qorti.
Qalet li sakemm tiġi osservata l-ordni tagħha, l-oġġetti m’għandhomx jitneħħew.
Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti kkundannat lill-Gvern iħallas multa ta’ elf ewro.