Erba’ persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’ħabta bejn żewġ karozzi fin-Naxxar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart tal-Ħamis wara nofsinhar fi Triq Magaret Murray in-Naxxar.
F’dan l-inċident kienu involuti karozza tat-tip VW Polo, misjuqa minn Ungeriża ta’ 26 sena li tgħix San Pawl il-Baħar u trakk tat-tip DAF misjuq minn raġel ta’ 42 sena li jogħqod il-Gżira.
Fil-karozza mal-Ungeriża kien hemm 3 persuni oħra u fit-trakk mar-raġel kien hemm raġel ieħor ta’ 22 sena li huwa wkoll mil-Gżira.
Immedjatament fuq post marru diversi ambulanzi, li ħadu l-isptar Mater Dei lil dawk li kienu fil-vettura VW. Tnejn mill-passiġġieri, raġel ta’ 30 sena u mara ta’ 21 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li x-xufiera tal-vettura u passiġġiera ta’ 31 sena sofrew minn ġrieħi ħfief.
Iż-żewġt irġiel fit-trakk ma sofrew l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.