Il-Parlament Ewropew ivvota favur u b’hekk irratifika l-aħħar ftehim milħuq dwar Brexit mal-Gvern ta’ Boris Johnson.
Dan seħħ wara vot li ttieħed il-Ħamis filgħaxija fil-Parlament Ewropew, b’liema vot għadda b’621 vot favur u 49 vot kontra.
Fil-ħin tal-indirizzi spikka wkoll il-messaġġ ta’ Nigel Farage li kkampanja bil-qawwa biex pajjiżu jqatta’ l-karti minn mal-Unjoni Ewropea, fejn huwa temm l-aħħar messaġġ tiegħu f’dan il-parlament billi xejjer il-bandiera tar-Renju Unit.
Min naħa tiegħu, il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli qal kif l-Unjoni Ewropea xorta waħda se jkollha relazzjoni b’saħħitha mal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen bħal Sassoli sostniet li kemm l-Unjoni Ewropea u anke r-Renju Unit se jkollhom relazzjoni mill-aqwa.
Il-pass li jmiss għal dan il-ftehim huwa li jmur quddiem il-Kunsill Ewropew fejn irid iġib il-maġġoranza tal-voti. Imbagħad isegwi perjodu ta’ transizzjoni, li tibda minn Frar u jintemm fl-aħħar ta’ din is-sena.
Ir-Renju Unit mistenni formalment iħalli l-Unjoni Ewropea l-Ġimgħa li ġej, wara 47 sena f’din l-Unjoni.