Ftehim milħuq bejn bosta pajjiżi Ewropej se jwassal biex pajjiżna jżomm biss ħamsin minn erbgħa mija u sebgħa u sebgħin immigrant li ġew salvati fl-aħħar sigħat minn żewġ bastimenti fil-Baħar Mediterran.
Il-ftehim milħuq bejn Malta, l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea se jara li l-bastiment Ocean Viking jidħol f’port fl-Italja b’400 immigrant.
Fl-istess waqt, l-immigranti salvati mill-bastiment Alan Kurdi se jiġu ttrasferiti fuq lanċa tal-Armata u jiddaħħlu f’Malta.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li Malta se żżomm biss ħamsin immgirant mit-total kollu .
Il-Gvern Malti nnota li għal darb’oħra pajjiżna kien strumentali biex instabet soluzzjoni filwaqt li ħares l-interessi kollha ta’ Malta.
L-istqarrija sostniet li Malta diġà qed tagħmel aktar milli jmissha u spjegat li l-faċilitajiet tal-wasla tal-immigranti f’pajjiżna jinsabu taħt pressjoni meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Il-Gvern qal li s-sitwazzjoni f’pajjiżi bħalna mal-fruntiera qed tiġi dejjem aktar diffiċli u għalhekk aktar pajjiżi Ewropej iridu jtejbu l-ħidma tagħhom favur l-isfida li ġġib magħha l-immigrazzjoni.
Dan il-punt tqajjem ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela waqt diskussjonijiet li kellu t-Tlieta fi Brussel. F’din l-ewwel żjara, il-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew qablu li għandhom jassistu lil Malta f’dan is-settur u li għandha tinstab soluzzjoni dejjiema għal din il-problema Ewropea.
Din is-sena, it-tensjoni politika fil-Libja wasslet sabiex anke matul ix-xhur xitwin, ikomplu l-iżbarki tal-immigranti mill-kosta Libjana.