Nhar il-Ħadd li ġej, Heritage Malta se tkun qed tospita rappreżentazzjonijiet medjevali mill-grupp Historical Re-enactment Group Malta (HRGM) bit-tema ‘Aspetti tal-Castrum Maris’, ġewwa l-Forti Sant’Anġlu l-Birgu.
Il-Forti Sant’Anġlu kif nafuh illum hu bil-wisq differenti minn kif kien jidher fiż-Żmien Medjevali meta kien magħruf bħala Castrum Maris (Kastell ħdejn il-Baħar). Dokumenti storiċi jixħtu dawl dwar ċerti aspetti ta’ dan il-perjodu, fosthom dettalji dwar l-armi u l-provvisti li kienu jintużaw ġewwa l-kastell.
Mill-10:00 sal-4:00, il-pubbliku huwa mistieden iżur dan il-forti fejn se jkun hemm rappreżentazzjonijiet li juru l-ilbies u l-armi tas-suldati li kienu stazzjonati ġewwa l-Castrum Maris madwar is-sena 1400. Id-dħul għal din ir-rapprezentazzjoni se jkun l-istess.
Dakinhar ukoll, fl-għaxra ta’ filgħodu, l-pubbliku jista’ jingħaqad mal-kuratur għal żjara fil-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’Anġlu (li huwa amministrat mill-Ordni Militari u Sovran ta’ Malta), li se tiffoka fuq l-istorja medjevali ta’ dan il-forti, b’attenzjoni partikolari fuq il-binjiet storiċi li jiddataw għal Żmien il-Medju Evu, fosthom id-Dar tal-Kastellan, il-Kappella ta’ Sant’Anna u t-Torri Ċirkulari. Il-prezz ta’ din iż-żjara se jkun: €15 għall-adulti, €10 għall-anzjani u studenti u €8 it-tfal.